Lokali

Ian Borg ma jilqax l-istedina tas-Seraċini għad-diskussjoni

Is-Seraċini mħassba serjament dwar il-bypass il-ġdida f'tarf Ħ'Attard

Siġġu battal riservat għall-Ministru tat-Trasport, Ian Borg, waqt laqgħa ta’ informazzjoni mtella’ l-Erbgħa filgħaxija min-Netwerk Ambjentali tar-Resident ta’ Ħ’Attard, estenda l-messaġġ li l-“Gvern li Jisma'” ma jridx ipoġġi madwar mejda mas-Seraċini u l-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard biex jiddjaloga magħhom dwar is-Central Link Project.

Dan wara li f’laqgħa li l-istess Ministru kellu man-Netwerk it-Tlieta, Ian Borg webbes rasu mar-residenti u wara bosta suġġerimenti minnhom, huwa baqa’ jtenni li l-bypass kienet l-unika soluzzjoni. Ir-residenti b’hekk huma urtati ferm bin-nuqqas ta’ rieda li l-Gvern ma jagħtix widen lil dawn ir-residenti.

Quddiem sala b’għexieren ta’ nies, f’din il-laqgħa rriżulta kif permezz ta’ dan il-proġett se jinqerdu 28,000 metru kwadru ta’ art agrikola, 4 serrer li jammontaw għal 850 metru kwadru u madwar 150 parkeġġ fit-toroq Ferdinand Inglott u Tumas Chetcuti fost l-oħrajn. Dan għad-detriment ta’ saħħet is-Seraċini, hekk kif ir-residenti lmentaw li dan il-proġett se jistaġna aktar it-traffiku fil-qalba tar-raħal milli jtejbu biex b’hekk it-traffiku jiġi mħeġġeġ jgħaddi mill-qalba tar-raħal bħala rotta ewlenija. Aktar minn hekk, ir-residenti qalu li l-proġett mhux se jsolvi t-traffiku ġej mill-Mosta, ir-Rabat u Ta’ Qali għal ġo Ħal Warda.

Ir-riċerkatur tal-kanċer, il-Professur Christian Scerri, staqsa għala ma ttieħdux miżuri temporanji li jtaffu l-problema tat-traffiku elenkata mill-Gvern, bħat-tneħħija tad-dawl tat-traffiku fl-Imrieħel u biswit il-lukanda Corinthia biex jagħmlu wisa’ għal roundabout biswit l-MFSA. Miżuri oħra suġġeruti min-Netwerk huma t-twaħħil sussegwenti ta’ bollards għal dawk ġejjin minn Ħal Warda lejn Ħaż-Żebbuġ, ħdejn l-iskola Thi Lakin, biex b’hekk iduru mal-istess roundabout. Huwa appella għas-sens komun tal-Gvern biex jiġu rivalutati dawn is-soluzzjonijiet qabel jgħaddas rasu fil-proġett.

Għalkemm id-deputat Laburista Alex Muscat ġie kkwotat jgħid fil-Parlament li se jiġu milquta ftit nies, Scerri qal li b’kollox se jiġu iżolati 1,200 persuna bejn 2 bypasses, li jammontaw għall-11% tal-popolazzjoni ta’ Ħ’Attard. Qal li t-traffiku se jikkawża ż-żieda ta’ trab iswed fil-bypass, li għandu konsegwenzi serji fuq saħħet in-nies bi problemi tal-pulmun u tal-qalb. Studji juru kif in-nies li jgħixu madwar 150 metru ta’ traffiku, jikkunsmaw nifsijiet kompletament imniġġsa saħansitra ġewwa djarhom.

Il-Professur Scerri, f’isem in-Netwerk, issuġġerixxa li l-proġett jiġi trasformat f’mina taħt Ħ’Attard jew li jintużaw toroq eżistenti qalb ir-raba’ mill-MFSA sa Ħaż-Żebbuġ jew Monte Karmeli b’4 karreġġjati, biex b’hekk ma titteħidx aktar art agrikola u jonqos it-tniġġis f’żoni residenzjali.

Indirizz ieħor sar mill-espert tat-traffiku, il-Professur Maria Attard, li wissiet kif il-benefiċċji ta’ twessiegħ ta’ toroq arterjali huma temporanji għal kollox u jgħibu kompletament wara 3 snin jekk tippersisti d-dipendenza fuq il-karrozzi. Jekk in-nies jiġu mħeġġa jużaw aktar it-trasport pubbliku, din ittaffi l-problema tat-traffiku mingħajr ma jitwessgħu aktar toroq.

Fi tmiem il-laqgħa, in-netwerk tenna it-talba lill-Gvern biex jippubblika l-istudji kollha b’konnessjoni ma’ dan il-proġett. Preżenti għal-laqgħa kien hemm il-Viċi-Kap għall-Affarijiet tal-Parlament, David Agius, flimkien ma’ għadd ta’ deputati u kandidati tal-Partit Nazzjonalista.