Internazzjonali

Il-Greċja tibda tagħmel il-kontijiet tan-nirien

Kollox qed jindika li l-vittmi tan-nirien li hemm fil-Greċja se jaqbżu l-100 persuna. Dan hekk kif hemm ikkonfermati 80 persuna mejta u kważi 200 persuna midruba, ħafna b’mod gravi.


Imma hemm ukoll madwar 40 persuna li qed ikunu rrappurtati nieqsa. Fost il-vittmi hemm ukoll xi turisti li kienu fuq btala fiz-zoni milquta. Peress li ħafna minn dawk li mietu ma jistgħux jingħarfu, l-awtoritajiet mhux qed jeskludu li dawn setgħu kienu rrappurtati darbtejn – bħala vittma u bħala persuna nieqsa – u l-identifikazzjoni mistennija tieħu fit-tul u ssir permezz ta’ kampjuni tad-DNA jew tas-snien. Qed isiru rondi ta’ tfittxija tul il-kosta taz-zoni milquta.

Dan peress li kien hemm ħafna li sabu kenn min-nirien fil-baħar. Kien hemm ukoll xi wħud li mietu mgħarrqa waqy li kienu qed jaħarbu min-nirien. Fuq irdum kien hemm il-katavri ta’ 26 adult u tfal, li nstabu mgħannqa ma’ xulxin.

e
Ir-riħ qawwi li qed jaħkem iz-zoni milquta min-nirien wassal biex dan ferrex in-nar b’mod imgħaġġel u qabad lil ħafna fid-djar tagħhom jew fil-karozzi hekk kif kienu qed jippruvaw jaħarbu. Il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras iddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali hekk kif in-nirien qed jitqiesu bħala l-agħar li kien hemm fl-istorja moderna tal-Greċja. Hu ddikjara wkoll stat ta’ emerġenza f’Attica, li ntlaqtet l-agħar min-nirien.

L-awtoritajiet għandhom suspetti li xi wħud minnhom tqabbdu apposta, u hemm rapporti li qed jindikaw li l-Pulizija qed iżżomm erba’ persuni b’rabta ma’ dan.