Knisja Kultura Lokali

Il-Ġużeppini tal-Manikata jikkonservaw il-Vara Titulari tagħhom

Ir-restawr fuq il-Vara ta' San Ġużepp fl-aħħar fażi

Lejn nofs ix-xahar ta’ Marzu li għadda, il-Vara Titulari ta’ San Ġużepp tal-Manikata ttieħdet għand il-kumpanija Atelier del Restauro sabiex isirlha ntervent ta’ restawr fuqha.

Il-vara nħadmet minn Ferdinand Stuflesser, f’Ortisei, Bolzano, fl-1977 u hija aktarx magħmula mill-injam ħamrani taċ-ċirasa. San Ġużepp ġie mnaqqax minn zokk sħiħ u l-Bambin inħadem għalih, tant li jidher zokk ieħor minn taħt fil-bażi.

It-teknika nġenerali tal-vara hija abbinata ma’ Bolzano, xempju tax-xogħlijiet li skolpiet il-fabbrika Stufflesser. Karatteristika partikolari hija id-daqqa evidenti tat-tinqix tal-injam.

Maria Grazia Zenzani, mill-kumpanija fdata mir-restawr, elaborat aktar dwar l-isfidi partikolari li affaċċjaw fir-restawr:

“It-tindif tal-Vara kien ta’ sfida għalina għaliex kellna naħdmu b’reqqa minħabba l-fraġilità tal-kuluri applikati mill-artist. It-teknika użata tevita l-ġibs u tuża l-kulur ħamrani tal-injam fl-uċuh, fil-karnaġġjon u fejn hemm id-dell. Fuq il-libsa imbagħad, l-artist ta velaturi rqaq ta’ kulur, bħal blu u roża, biex joħroġ id-dawl. Dawn il-velaturi ġew applikati direttament fuq l-injam, mingħajr saff preparatorju fuq l-injam stess. Sfortunatament ukoll, mal-vara kiber traċċi ta’ biofilm, li tfisser li bdiet ħierġa l-moffa. Għalhekk din ħolqot sfida oħra biex titneħħa għal kollox il-moffa. B’hekk trid tiġi ndirizzata l-klima tan-niċċa sabiex din tinbidel għal waħda mingħajr umdità.”

Apparti t-trattament għall-moffa fin-naħa t’isfel tal-vara, sar restawr partikolari fuq l-id ix-xellugija ta’ San Ġużepp hekk kif instabet żebgħa ħadra fuq il-karnaġġjon, mid-dehra applikata ftit wara l-wasla tal-vara minn Bolzano.

Zenzani temmet tiżvela x’xogħol għad baqa’ biex jiġi fi tmiemu r-restawr:

“Il-passata finali trid vera ċara u għalhekk qed nissuġerixxu applikazzjoni ta’ passata matta. Id-differenza bejn din il-vara u vari oħra barokki żgraffjati u ndurati hija l-mod kompletament differenti kif tiġi applikata ż-żebgħa, hekk kif trid tinżamm l-effett matt taż-żebgħa li applika l-artist.”

B’hekk ikun jonqos l-aħħar irtokki u s-saff finali ta’ verniċ fuq il-Vara ta’ San Ġużepp biex tiġi nawgurata lejn nofs Awwissu u b’hekk titgawda mill-poplu tal-Manikata fil-Festa Titulari tagħhom fl-aħħar Ħadd t’Awwissu.