Il-Pulizija se jkollha tistenna biex tressaq il-Qorti lil Kevin Micallef biex iwieġeb għall-akkużat tal-qtil ta’ ommu u zitu kmieni nhar it-Tnejn filgħodu.
Il-Pulizija li qed jinvestigaw dan il-każ kellhom f’moħħhom li jressqu l-Qorti lil Kevin Micallef malajr kemm jista’ jkun, iżda mill-Isptar Monte Karmeli kienu infurmati li r-raġel ma kienx f’kundizzjoni ta’ saħħa mentali li jittieħed il-Qorti għaliex kien għadu qed juri sintomi ta’ aġitazzjoni.
Għalhekk il-Pulizija, immexxija mis-Supretendent Anzjan Anthony Cassar u mill-Ispetturi Elton Taliana u Christine Delia, iddeċidew li jipposponu ż-żmien li jitressaq il-Qorti l-allegat agressur ta’ dan id-delitt doppju.
Sadattant fis-sigħat li għaddew il-Pulizija kompliet tinvestiga dan id-delitt li għal darb’oħra xxokkja lill-Għargħarin kollha u għal darb’oħra tkellmet mal-aggressur li baqa’ jinsisti magħhom li z-zija tiegħu – Maria Carmela Fenech ta’ 74 sena – kienet qed tħallatlu ta’ kull filgħodu l-kalmanti tagħha mal-kafè tiegħu.
Jirriżulta li Kevin Micallef daħħalha f’moħħu li għal xi raġuni z-zija tiegħu kienet qed tħallatlu l-pilloli tal-kalmanti li tieħu hi mal-kafè li jieħu ta’ kull filgħodu waqt il-ħin tal-kolazzjon. L-indikazzjonijiet huma li kien dan l-argument li wassal għall-aggressjoni fatali minn Kevin Micallef, l-ewwel fuq ziju u wara fuq ommu anzjana wkoll, Antonia Micallef ta’ 71 sena, bir-riżultat li t-tnejn li huma spiċċaw maqtula.
Fil-fatt l-ewwel li mietet fil-post tat-traġedja kienet Maria Carmela Fenech li nstabet mgħarrqa f’għadira demm u eventwalment fl-Isptar Mater Dei oħtha – omm l-aggressur – Antonia Micallef li wkoll qalgħet daqqiet fatali fil-parti ta’ għonqha u f’sidirha.
Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) li kmieni mas-sebħ nhar it-Tnejn filgħodu waslu fil-post tad-delitt, sabu xena mill-aktar makabra meta f’kamra f’dar ta’ familja fil-Għargħur sabu anzjana mejta u mgħarrqa f’għadira demm flimkien ma’ oħtha wkoll feruta serjament viċin ta’ oħtha, issofri wkoll min-numru ta’ daqqiet b’sikkina twila tal-ikel. Kollox kien jindika li dan id-delitt doppju immatura wara li f’dawn l-aħħar jiem ir-raġel daħħalha f’moħħu li z-zija tiegħu kienet qed tħallatlu l-kafè u l-kalmanti.
Id-delitt tat-Tnejn filgħodu seħħ hekk kif Kevin Micallef ta’ 41 sena, ommu Antonia Micallef u z-zija, Maria Carmela Fenech iltaqgħu bħas-soltu fil-kċina għal tazza kafè u kolazzjon ħafif, u nqala’ l-argument tipiku ta’ dawn l-aħħar jiem, ċioè li Kevin Micallef reġa’ qajjem is-suspetti tiegħu li zitu Maria kienet qed tħallatlu l-kalmanti mal-kafè tiegħu.
//= $special ?>