Għawdex Knisja Lokali

Jibda l-proċess biex tiġi restawrata minn barra l-Bażilika ta’ San Ġorġ

It-tenders jagħlqu fis-7 ta' Settembru

F’dawn il-jiem ħareġ it-tender għar-restawr tal-faċċata, il-koppja, u l-kampnari tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Martri fir-Rabat Għawdex – waħda mill-aktar knejjes monumentali u simboli tal-gżira Għawdxija.

Is-sit uffiċjali tal-Bażilika ħabbar uffiċjalment li inbeda dan il-proċess illi se jwassal biex il-Bażilika terġa’ tieħu l-glorja strutturali tagħha.

Diversi storiċi jgħidu li dan il-maqdes ħa post tempju pagan li kien twaqqaf fiċ-ċentru tal-gżira. Wara, il-knisja ta’ San Ġorġ ġiet mwaqqa’ u mibnija diversi drabi.

Jingħad li l-parroċċa oriġinat fi Żmien il-Medju Evu, żgur qabel l-1450.

L-istruttura preżenti tmur lura għall-1678, meta l-Knisja ħadet il-forma ta’ salib Latin. Fil-fatt, kien fis-7 t’Awwissu tal-1672 meta tpoġġiet l-ewwel ġebla.

Kien imbgħad fis-snin 30 tas-Seklu l-ieħor li żdiedu l-korsiji tal-ġnub.

Fl-1958, din il-knisja kienet ingħatat it-titlu ta’ Bażilika.