Sport Sport Ieħor

RITRATTI: Suċċess fl-20 edizzjoni tal-Gladiators Fight Night

Malta kisbet unur ieħor fil-kickboxing hekk kif Christopher Rotin sar Champion Ewropew tal-World Kickboxing Network (WKN) fil-kategorija Welterweight, wara li rebaħ ġlieda kontra avversarju mill-Greċja waqt l-20 edizzjoni tal-Gladiators. Christopher Rotin, minn Ying Yang – Team Noel, iġġieled f’isem Malta għal Pro European Title Belt tal-WKN kontra l-atleta Grieg Anis Antonin nhar il-Ġimgħa li għadda fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.

Kienet ġlieda missielta sal-aħħar, biż-żewġ atleti li taw il-massimu tagħhom. Rotin kellu jiffaċċja atleta ta’ saħħa konsiderevoli li kien itwal minnu, u li huwa kkunsidrat fost l-aqwa fil-Greċja fil-kategorija tiegħu.

Il-kowċ ta’ Rotin, Master Noel Mercieca, qal li l-istrateġija ta’ Rotin kienet li jidħol qrib ta’ Antonin meta dan ikun se jattakka, biex ma jagħtihx ċans jaħdem. It-teknika tal-atleta Grieg spikkat l-iktar minn knee strikes li kienu frekwenti u perikolużi, iżda Rotin irnexxielu jżomm difiża tajba, u għadda biex rebaħ iċ-ċintorin.

F’isem Malta wkoll ikkompeta l-atleta Shaun Falzon minn Malta Thai Boxing, li ssielet għal Pro International Title Belt tal-WKN fit-taqsima Middleweight kontra l-atleta Slovakk Jurah Vozar. Minkejja li Falzon kien jidher li qiegħed minn fuq, lejn tmiem l-ewwel round sfortunatament qala’ knockout li kien jidher bħala ‘lucky punch’ tal-avversarju Slovakk, li iżda naturalment għadda biex jirbaħ iċ-ċintorin.

Waqt l-istess serata ċ-Champion Ewropew Keith Azzopardi minn Ying Yang – Team Noel rebaħ il-Gladiators Title Belt fi ġlieda kontra Milos Anic minn Team Jalen. Iż-żewġ atleti f’din il-ġlieda wkoll taw prestazzjoni mill-aqwa u ssieltu sal-aħħar, b’Azzopardi iżda jgħaddi biex jirbaħ.

Fl-istess serata ġġieldu 14-il atleta oħra minn ħames klabbs f’Malta, li pparteċipaw fi ġlidiet lokali u oħrajn internazzjonali, fosthom kontra atleti mill-Iżvezja, l-Italja u l-Belġju. Din ukoll kienet kisba għal dawn l-atleti Maltin, li rnexxielhom jirbħu l-ġlidiet kollha kontra l-atleti barranin.

Ritratti: Martin Agius

Riżultati

Kickboxing

1. Jeanluca Muscat għeleb lil Kurt Borg

2. Triston Piscopo u Wailen Bugeja spiċċaw fi draw

3. Sven Farrugia għeleb lil Sheldon Camilleri

4. Jadee Cassar għeleb lil Andrea Grech

5. Marley Banner għeleb lil Kurt Borg

K1

6. Jonathan Calleja għeleb lil Justin Pace

7. Jaid Agius għeleb lil Andrey Debrivsky

8. Danny Tomaselli għeleb lil Kevin Argelier

9. Diane Schembri għelbet lil Rosaria Di Bella

10. Julian Mangion għeleb lil Damiano Pafumi

11. Vuk Stekovic għeleb lil Christopher Johannsson

12. Jesred Piscopo għeleb lil Dominic Anti

13. Faris Lukovic għeleb lil Valon Zariqi

Gladiators PRO Title Belt

14. Keith Azzopardi għeleb lil Milos Anic

WKN PRO K1 International Title Belt

15. Jurah Vozar għeleb lil Shaun Falzon

WKN PRO K1 European Title Belt

16. Christopher Rotin għeleb lil Anis Antonin