Formula 1 Sport

Titħabbar il-mewt ta’ Sergio Marchionne

Tħabbret il-mewt tal-eks kap tal-Ferrari Sergio Marchionne li miet fl-isptar ta’ Zurich fl-eta ta’ 66 sena. Marchionne spiċċa mill-kariga uffiċjalment erbat ijiem ilu meta saħħtu marret għall-agħar wara kumplikazzjonijiet minn operazzjoni li saret fuq spallu l-leminija.

Il-Kunsill tal-Amministrazzjoni kien iltaqa’ fl-aħħar jiem fejn ittieħdet id-deċiżjoni li John Elkann ikun il-President tal-Ferrari u l-Amministratur Delegat inħatar Louis Camilleri, persuna li għandu dixxendenza Maltija. Mike Manley kien inħatar l-Amministratur Delegat tal-FCA (Fiat Chrysler Automobiles).

Marchionne kien ingħaqad ma’ Fiat fl-2004 wara l-mewt ta’ Gianni Agnelli. Fl-2009 hu ħa t-tmexxija ta’ Fiat li kienet ingħaqdet ma’ Chrysler, li sa dak iż-żmien kienet it-tielet l-aktar kumpanija li timmanifattura karozzi.

Hu jibqa’ mfakkar li ġab bidliet kbar fid-dinja tal-Fiat, b’wieħed mid-diżappunti tiegħu jkun li ma laħaqx jara lil Ferrari lura fil-quċċata tal-Formula 1.