Lokali Unjoni Ewropea

Casa jisfida lill-MEPs Laburisti dwar ir-rapport tal-FIAU

"In-nuqqas ta’ azzjoni dwar ir-rapporti jżid il-probabilità li tiżdied l-attività kriminali għad-detriment tal-poplu Malti"- Casa

Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa permezz ta’ stqarrija qal li l-MEPs Marlene Mizzi u Miriam Dalli, fi sforz konġunt konsistenti mal-ispin tal-Partit tagħhom, qed jagħmlu attentat biex iħawdu l-imħuħ dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta u l-ħidma tal-istess MPE.

Huwa saħaq li dawn m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ xulxin. Hu qal li huwa ta’ għajb għall-pożizzjoni li għandhom meta jippruvaw joħolqu konnessjoni bejn it-tnejn.

Casa qal li Mizzi u Dalli għandhom jagħmlu l-pożizzjoni tagħhom ċara, u li għandhom jgħidu ċar u tond li ma jemmnux il-kontenut tar-rapporti tal-FIAU. Sostna li għandhom jgħidu ċar u tond li jemmnu li Konrad Mizzi, Keith Schembri, l-Bank Pilatus u Nexia BT ma kinux involuti f’attività kriminali.

Huwa għalaq l-istqarrija billi qal li l-attentat tal-MEPs Laburisti biex iqarrqu bil-poplu Malti dwar it-termini ta’ referenza tal-inkjesta li ġiet ippubblikata parti minnha, hu tradiment tal-elettorat. Mill-ġdid sostna li għandhom jieqfu jistaħbew wara l-frażijiet vagi f’artikli, u jkunu ċari fil-pożizzjoni tagħhom dwar Mizzi, Schembri, Pilatus u Nexia BT, biex jinżammu responsabbli għall-qerq tagħhom.