Il-kantanta Maltija Emma hija l-unika mara u l-iżgħar waħda fost dawk li jinsabu fl-ewwel 10 postijiet tal-klassifika Taljana tal-aqwa albums.
Hi għadha kif ħarġet album mużikali bl-isem ta’ ‘Moments’ madwar ġimagħtejn ilu u jidher li qed tikseb suċċess kbir. L-album tagħha jinsab propju fl-10 post.
Fl-ewwel post ta’ din il-klassifika hemm Irama, ir-rebbieħ ta’ Amici li għandu 22 sena. Hu ilu f’din il-pożizzjoni għal seba’ ġimgħat sħaħ. Protagonista ieħor f’Amici huwa Biondo ta’ 20 sena, li bħalisssa jinsab fis-sitt post ta’ din il-klassifika. Kemm Irama u Biondo kienu fl-istess tim ma’ Emma, it-tim abjad.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Taljana tal-Industrija Mużikali saħaq li artisti żgħażagħ qed ikollhom l-opportunità li jiksbu iktar popolarità hekk kif il-mużika qed issir iktar aċċessibli.
Wara l-parteċipazzjoni tagħha f’Amici, Emma Muscat kienet parti mill-kunċert anwali Isle of MTV, filwaqt li l-ġimgħa l-oħra kienet parti mill-kunċert ta’ Joseph Calleja. Hi kantat kemm mat-tenur Malti u mal-artist Taljan ta’ fama mondjali Eros Ramazzotti.
//= $special ?>