Festi Knisja Kultura Lokali

FILMAT: Il-vara ta’ San Ġiljan fl-aħħar fażi tar-restawr

Il-Ġiljaniżi ħerqana biex igawdu r-restawr estensiv fuq il-Vara u l-Pedestall ta' San Ġiljan

L-aħħar vara Titulari li ħadem l-istatwarju Senglean, Karlu Darmanin kienet dik ta’ San Ġiljan li l-Ġiljaniżi laqgħu fosthom b’ħerqa kbira nhar it-13 t’Awwissu 1893. Propju 125 sena wara din id-data se jiġi nawgurat xogħol estensiv ta’ restawr fuq il-vara u l-pedestall tagħha fil-Knisja ta’ Lapsi.

NET News segwa mill-viċin dan il-proċess ta’ restawr matul din is-sena mill-kumpanija Atelier del Restauro.

Għalkemm l-istruttura kienet fi stat tajjeb ta’ konservazzjoni, instabu ħsarat fil-ġibs, bi xpakkaturi żgħar speċjalment fl-għonq, fil-kappell tal-għajn u fil-bażi li kollha ġew ikkonsolidati biex seta’ beda t-tindif li offra sfida akbar għar-restawraturi. Dan peress li ma ridux biss ineħħu t-trab u l-ħmieġ akkumulati maż-żmien biss, iżda riedu jaslu riedu jnaddfu saffi żejda ta’ żebgħa mhux oriġinali tal-istatwa applikati f’tal-inqas 4 interventi fuqha, kif spjegat aħjar ir-restawratiċi, Valentina Lupo:

“Il-Kappillan, Rev. Claude Portelli, għamel ukoll xi ftit riċerka u sab illi l-wiċċ ġie miżbugħ madwar l-1950 b’passata ħoxna ta’ żebgħa li bidlet il-polikromija tal-Vara, siegħa l-wiċċ kif ukoll ix-xagħar. Meta naddafna, l-għan tagħna kien li nneħħu ż-żebgħa mogħtija biex noħorġu l-istat oriġinali tal-Vara tal-bidu tas-seklu 20 meta kienet saret l-induratura. Sibna li taħt, il-karnaġġjon oriġinali kien fin ħafna u fi stat tajjeb immens ta’ konservazzjoni però peress li kienet maħmuġa, fil-ħamsinijiet kienu żebgħu fuq kollox il-Vara. Il-karnaġġjon tiegħu hija aktar ċara, għandu l-wardiet roża, għandu dettall kbir anki madwar l-għajnejn u l-mod ta’ kif tpitter turi kif iż-żebgħa ngħatat b’ħafna kuluri bit-teknika tal-velatura.”

Dan hekk kif il-Ġiljaniżi huma mdorrijin kemm b’karnaġġjon skur, miżbugħ lejn l-oranġjo, u anki xagħru skur meta filfatt huwa aktar bjond. Ħafna mill-kuluri użati riċenti huma kuluri kummerċjali, ħoxnin u apparti li huma kuluri diffiċli biex jitnaddfu, ir-restawraturi riedu jikkonservaw il-kulur fin ta’ taħt.

Ġiet imnaddfa l-induratura tal-mant, partikolarment tal-lama ta’ ġewwa, f’proċess ikkumplikat u twil li wassal biex ġie salvat l-istat oriġinali tad-deheb tal-induratura u ħarġu l-kuluri ċilesti ċari, li jikkumplimentaw aktar mal-mant. U mal-mant, ġie mnaddaf il-verniċ:

“Ridna ukoll nneħħu l-verniċ li ngħata fl-1993 fuq il-Vara kollha li kien sfar ħafna u biddel id-dehra tal-kuluri. Per eżempju, il-mant kien kważi qed jaqleb fl-aħdar u mhux fil-blu kif narawh illum wara li naddafnieh.”

Valentina Lupo elaborat aktar ukoll dwar ir-restawr fdat fuq il-pedestall ta’ San Ġiljan:

“L-għan kien li nippreservaw l-induratura li għandu l-pedestall u nneħħu fejn kien hemm xi rtokki bil-porporina jew xi ġibs li ma kienx applikat tajjeb f’xi intervent ta’ restawr riċenti per eżempju. Minn hemm, b’materjali li huma kompatibbli mal-oriġinal, aħna erġajna mona nagħmlu l-integrazzjoni bit-teknika tal-water guilding.”

Matul is-snin, il-Vara ta’ San Ġiljan għaddiet minn bosta interventi u r-restawratriċi temmet titkellem dwar id-dilemmi li din ħolqot għalihom biex jaslu għal ċerti għażliet:

“Għalina llum, l-oriġinali huwa meta sar id-deheb għax illum nikkunsidraw l-induratura li għandu bħala intervent storiku li ma jistax jitneħħa. Allura, l-għan tagħna kien li mmorru lura għall-intervent li sar fis-seklu 20 u nikxfu l-kulur oriġinali tal-wiċċ, tax-xagħar, li ġie miżbugħ fl-1950, u taċ-ċerva, li ġiet miżbugħa bejn it-tmeninijiet u s-snin 90.”

Hekk kif ir-restawr wasal fl-aħħar, b’hekk ikun jonqos l-aħħar irtokki biex jingħata s-saff finali ta’ verniċ u minn hemm il-Vara tittieħed lura lejn San Ġiljan għall-qima u t-tgawdija tal-poplu Ġiljaniż.