L-eks-manager ta’ Manchester United, Sir Alex Ferguson, tkellem mid-dar, għall-ewwel darba wara l-proċess kirurġiku delikat ta’ xhur ilu u fejn ma naqasx milli jesprimi ringrazzjament lill-istaff tal-isptarijiet kif ukoll ‘lil dawk kollha li awgurawlu fejqan u waqfu miegħu f’dan iż-żmien diffiċli’.
Ferguson, li għandu 76 sena u li kien operat għal emorraġija f’moħħu, enfasizza li ‘hu ma kienx ikun hawn mingħajr ‘il-kura intensiva li ngħata’ u, f’isem familtu, rringrazzja b’mod speċjali lill-istaff mediku mal-isptarijiet ta’ Macclesfield, Salford Royal u Alexandra. Intant, hu irringrazzja wkoll lill-għexieren tal-eluf minn madwar id-dinja li wasslulu messaġġi ta’ appoġġ u sostna li ‘għal dan qed iħossu tassew umli’.
Hu wassal il-messaġġ permezz ta’ filmat ta’ 48 sekonda li qed jiċċirkola fuq il-kont ta’ Twitter ta’ Manchester United.
Sir Alex Ferguson għadda minn kirurġija ta’ emerġenza fil-5 ta’ Mejju u kien dam diversi jiem fit-taqsima għall-kura intensiva tar-Royal Hospital ta’ Salford.
L-aħħar dehra ta’ Ferguson fil-pubbliku kienet f’Old Trafford, fid-29 ta’ April, meta hu ippreżenta lill-manager ta’ Arsenal, Arsene Wenger, bi trofew kommemorattiv qabel il-logħba tal-kampjonat bejn Manchester United u l-Gunners, li ntrebħet, 2-1, mir-Red Devils.
Sadanittant, Alex Ferguson impenja ruħu biex, fl-istaġun li ġej, jirritorna f’Old Trafford biex jara l-logħob ta’ United, u fejn temm il-messaġġ b’awgurju ta’ suċċess lill-manager tat-tim, Jose Mourinho, u l-plejers tiegħu.
Sir Alex Ferguson kien irtira minn manager ta’ United f’Mejju tal-2013 wara karriera ta’ 26 sena bħala amministratur tal-klabb u fejn irnexxielu jirbaħ xejn anqas minn 38 trofew li jinkludu 13 il-kampjonat tal-Premier League; żewġ Champions Leagues, ħames FA Cups u erba’ League Cups.
Dawn is-suċċessi jikkonfermawh bħala l-aktar manager li rnexxa fl-istorja tal-futbol fir-Renju Unit u meta Ferguson anki rebaħ it-Tazza tat-Tazzi bħala l-manager tal-klabb Skoċċiż, Aberdeen, fl-1983. F’dik is-sena, id-Dons kienu għelbu lil Real Madrid fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni Ewropea ( li ntlagħbet fl-Iżvezja) wara l-ħin barrani.
//= $special ?>