Lokali Qorti

Ħareġ għall-ġar tiegħu għaliex ipparkjaw quddiem daru

Iben Tanti ħareġ b’ħadida f’idejh biex ibeżża’ lill-vittma

It-temperatura sħuna tas-Sajf donnha qed tagħmel tagħha wara li raġel ta’ 60 sena spiċċa l-Isptar minħabba sempliċi parkeġġ f’Ħaż-Żebbuġ. Fil-każ kien involut raġel ta’ 53 sena illi ħebb għall-vittma, li hu ġar tiegħu.

Mario Zaffarese ħareġ għall-ġar tiegħu, John Tanti wara li dan hedded lil bintu li kien se jċarrtilha t-tyres tal-karozza tagħha għaliex ipparkjat faċċata tad-dar tiegħu.

Tanti, li urta ruħu għaliex uliedu qatt ma jsibu parkeġġ meta jirritornaw mix-xogħol, hedded lil bint Zaffarese biex din twarrablu. Zaffarese mar jikkonfronta lil Tanti u wara l-argument jaħraq, Tanti spiċċa rikoverat l-isptar fejn kellu jiġi operat.

Fil-Qorti, Zaffarese ġie akkużat li pponta arma bla munizzjoni mhux liċenzjata lejn Tanti, filwaqt li iben Tanti ħareġ b’ħadida f’idejh biex ibeżża’ l-imputat.

Waqt is-smigħ tax-xhieda, pulizija li nzerta jgħix fl-inħawi sema’ l-għajjat u l-kelma ‘nisparalek’ u ħareġ jiġri minnufih. Huwa rnexxielu jieħu l-arma minn idejn Zaffarese, li qal, ħariġha biss bl-intenzjoni li jbeżża’ lil Tanti.

Zaffarese nstab ħati u ngħata sentejn priġunerija sospiżi għal 4 snin filwaqt li jrid iħallas multa ta’ €248.10 u jsegwi programm ta’ anger management.

Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli filwaqt li l-Prosekuzzjoni kienet immexxija minn Roderick Agius.

Għall-akkużat deheru l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.