Il-President tal-Federazzjoni tal-Futbol tal-Ġermanja, Reinhard Grindel, qal li hu kien żbalja fil-mod kif aġixxa għall-kontroversja li qamet wara li l-plejer internazzjonali Ġermaniż, Mesut Ozil, ippoża għal ritratt mal-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan.
Ir-ritratt kien qajjem għadab kbir fil-Ġermanja, madankollu, Grindel qed jiċħad għal akkużi ta’ razziżmu marbut mal-każ u wara li Ozil, li jilgħab għat-tim Ingliż Arsenal, ħabbar, jiem ilu, li kien qed jirtira mill-futbol internazzjonali.
Intant, Ozil ikkritika lill-federazzjoni tal-Ġermanja, ‘flimkien mal-President Grindel, il-partitarji u l-istampa lokali’ għal allegati sentimenti ta’ razziżmu fil-konfront ta’ ċittadini Ġermaniżi ta’ nisel Tork.
Il-midfielder ta’ Arsenal anki ddefenda l-laqgħa li hu u plejers oħra (fosthom il-plejer Ġermaniż ta’ Manchester City, Ilkay Gundogan) kellhom ma’ Erdogan, qabel il-logħob tat-Tazza tad-Dinja.
Dan meta l-President Tork hu mira għal kritika qawwija fil-Ġermanja minħabba l-istil politiku awtoritarju li jħaddan.
Min-naħa tiegħu, Reinhard Grindel qal li jiddispjaċih li l-kritika tal-Federazzjoni għar-ritratt ta’ Ozil ma’ Erdogan ‘spiċċat abbużata għall-islogans razzisti’.
Fl-istess ħin, Grindel qed jagħmilha ċara li – issa ladarba analizza s-sitwazzjoni – hu kellu d-dmir li, bħala President tal-Federazzjoni, ‘jesprimi, mingħajr l-użu ta’ termini ambigwi, dak li hu evidenti għalih minn lat personali u għall-membri kollha tal-Federazzjoni’.
Grindel ikkonkluda l-messaġġ li ‘ kull forma ta’ ostilità bi skop razzista tibqa’ dejjem xi ħaġa intollerabbli u inaċċettabbli’.
//= $special ?>