Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi protest ġudizzjarju li tressaq dalgħodu qed jitlob biex sa mhux aktar tard mil-lum l-Avukat Ġenerali jgħaddilu kopja tal-atti ta’ inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja flimkien max-xhieda u mad-dokumentazzjoni kollha fl-intier tagħhom. Jekk dan ma jseħħx Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jirriżervi d-dritt li jipproċedi kontra l-avukat ġenerali, inkluż li jitlob li din id-deċiżjoni li ma jippublikax l-atti tal-inkjesta fl-intier tagħha tiġi riveduta mill-Qorti skont il-liġi.
Il-protest ġudizzjarju li kien iffirmat mill-avukat Vincent Galea sar fid-dawl tad-deċiżjoni tal-avukat ġenerali Peter Grech li qal li ma jqisx li għandu jibdel il-fehma tiegħu dwar il-pubblikazzjoni u l-aċċess għar-rapport tal-inkjesta f’dan l-istadju, jiġifieri, li se jkun qed iċaħħad lill-Oppożizzjoni minn kopja tar-rapport sħiħ.
Fil-protest ġudizzjarju Adrian Delia qal li din id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali qed toħloq żbilanċ politiku serju favur il-Gvern u l-Partit Laburista u dan b’detriment għal Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia qal li huwa fl-interess pubbliku li jiġu annalizzati x-xhieda u d-dokumentazzjoni ta kif intlaħqet din il-konkluzzjoni u konklużżjonijiet oħra mill-Maġistrat inkwerenti. Dan mhux għax il-konklużżjonijiet ma humiex jiġu aċċettati iżda l-għaliex mix-xhieda u mid-dokumentazzjoni jafu joħorġu fatti oħra li jkunu ta’ nteress pubbliku kif ukol li jkunu ta’ interess politiku għall-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista aktar u aktar meta jissemmew, fil-konklużżjonijiet pubblikati persuni politiċi li dwarhom għad hemm inkjesti magisterjali pendenti.
Delia qal li hija l-fehma tal-Oppożizzjoni li l-avukat Ġenerali m’huwiex juża id-diskrezzjoni b’mod tajjeb u xieraq u li d-deċiżjoni li l-atti tal-inkjesta, flimkien max-xhieda u dokumenti kollha fl-intier tagħhom ma jingħatawx lilu jew li ma jiġux ippubblikati mhijiex legalment ġustifikata u tmur kontra l-interess nazzjonali u pubbliku, inkluż ukoll kontra l-interessi tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista. Dan apparti li jmorru ukoll kontra r-reġoli tat-Trasparenza.
//= $special ?>