Raġel Rumen ta’ 42 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor. Il-każ seħħ fis-16 ta’ Lulju meta l-ġirien li joqogħdu qrib l-appartament f’San Ġiljan semgħu storbju u ħsejjes ta’ affarijiet jitkissru. Dan kollu ġara għall-ħabta tal-5am.
Meta l-Pulizija waslu fil-post sabu lir-raġel biss fid-dar. Hu kien mimli demm, u l-appartament kien imqalleb ta’ taħt fuq. Ir-raġel iddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, ir-Rumen wieġeb mhux ħati li għamel ħsara fi proprjetà ta’ ħaddieħor, liema ħsara taqbeż l-€2,500.
Il-Maġistrat Josette Demicoli tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużat fuq garanzija personali ta’ €7,000. Il-Qorti qalet li minflok ir-raġel imur jiffirma l-għassa, il-Pulizija għandha tmur id-dar tiegħu biex tara li qiegħed hemm.
//= $special ?>