Lokali Qorti

L-Avukat Ġenerali jappella mis-sentenza għar-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi

L-Avukat Ġenerali, Peter Grech, appella mis-sentenza li ordnat ir-rekuża tal-Imħallef Antonio Mizzi.

Fit-12 ta’ Lulju l-Qorti Kostituzzjonali kienet laqgħet it-talba tad-Deputat Simon Busuttil sabiex Antonio Mizzi jkun mitlub jirrekuża ruħu mis-smigħ ta’ każ ta’ appell dwar inkjesta fuq il-Panama Papers. Simon Busuttil kien talab li Mizzi jirrekuża ruħu fid-dawl ta’ possibilita’ ta’ kunflitt ta’ nteress, meta Mizzi hu miżżewweġ lill-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi.

L-Imħallef Mizzi kellu jisma l-appelli tal-Prim Ministru u taċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, flimkien ma diversi persuni oħra, biex iwaqqfu inkjesta fil-konfront tagħhom.
Mizzi baqa jirrifjuta li jirrekuża ruħu u kien għalhekk li Simon Busuttil fetaħ kawża separata fejn qal li kien inkisirlu d-dritt għal smigħ xieraq u talab li l-appelli jinstemgħu quddiem imħallef ieħor.

Fis-sentenza tiegħu għal dan l-appell, l-Imħallef Zammit McKeon qal li wara l-kummenti li kienet għamlet Marlene Mizzi dwar dan il-każ, l-imħallef kien messu astjena milli jisma l-appelli, għax dan seta ħoloq imparzjalita’ u ksur tad-dritt ta’ Simon Busuttil għal smigħ xieraq.

Il-Prim Awla tal-qorti ċivili kienet laqgħet it-talba ta’ Busuttil u assenjat il-każ lil imħallef ieħor, madankollu issa din id-deċiżjoni reġgħet ġiet appellata mill-Avukat Ġenerali.