Ara l-filmat għal rapport iqsar dwar is-suġġett. Aqra l-artiklu għal iktar dettalji
Sal-aħħar tas-sena 2017, pajjiżna kellu 33 proċedura legali miftuħin kontrih, skont rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea u li jikxef iż-żieda qawwija fil-proċeduri kontra Malta minħabba nuqqasijiet fil-mod ta’ kif jiġu implimentati l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.
Dan jikkuntrasta ma’ 21 każ miftuħin kontra Malta sa tmiem is-sena 2013, 18-il każ miftuħin sa tmiem is-sena 2014, 24 każ sa tmiem is-sena 2015 u 31 każ sa tmiem is-sena 2016.
Ir-rapport, intitolat ‘Monitoring the Application of European Union Law’ ġie ppubblikat fit-12 ta’ Lulju li għadda u primarjament iħares lejn is-sena 2017 bħala bażi għalkemm jikkumpara n-numri mill-2017 mas-snin ta’ qabel.
Dawn il-proċeduri legali huma magħrufa bħala ‘Infringement Procedures’ li jinfetħu mill-Kummissjoni Ewropea meta, b’xi mod jew ieħor, pajjiż jonqos fil-mod ta’ kif jimplimenta l-liġijiet Ewropej.
Dan peress li filwaqt li l-Parlament Ewropew japprova l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, hija l-Kummissjoni Ewropea li tara li l-pajjiżi membri mhux biss jimplimentaw dawn il-liġijiet, iżda fuq kollox jimplimentawhom sew.
Jekk pajjiż membru ma jimplimentax il-liġijiet Ewropej, jew inkella jimplimentahom ħażin, il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tibda proċeduri legali kontra l-istat membru konċernat.
B’kollox hemm tliet tipi ta’ ‘infringement procedures’ li jistgħu jinfetħu kontra l-istati membri: Proċeduri talli l-pajjiżi jonqsu milli jinfurmaw fil-ħin lill-Kummissjoni Ewropea bil-miżuri ta’ implimentazzjoni; proċeduri kontra stati membri talli ma jkunux implimentaw il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea; jew inkella proċeduri talli stat membru jimplimenta xi liġi tal-Unjoni Ewropea b’mod skorrett jew ħażin.
Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiftaħ proċeduri kontra xi stat membru jew fuq inizjattiva tagħha jew inkella wara xi ilment magħmul lilha.
Il-proċeduri jibdew b’ittra formali magħrufa bħala ‘Letter of Formal Notice’ fejn il-Kummissjoni titlob lill-pajjiż konċernat jissottometti spjegazzjoni għan-nuqqasijiet tiegħu u jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tkunx sodisfatta bir-risposti, tgħaddi biex tippubblika dik li tissejjaħ ‘Opinjoni Motivata’ li tkun l-aħħar pass qabel jinfetħu proċeduri legali quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea kellha tibgħat 20 ittra formali lil Malta u 7 opinjonijiet motivati.
Jirriżulta li b’mod globali, sa tmiem is-sena 2017, pajjiżna kellu total ta’ 33 każ miftuħin kontrih fejn 23 każ kienu dwar nuqqas tal-Gvern Malti li jimplimenta fil-ħin xi liġijiet tal-Unjoni Ewropea (traspożizzjoni tardiva) filwaqt l-10 każijiet l-oħra kienu jirrigwardjaw il-mod ħażin jew skorrett ta’ kif ċertu liġijiet tal-Unjoni Ewropea ġew applikati.
16-il każ minn 23 miftuħa kontra Malta minħabba ttardjar fl-implimentazzjoni tal-liġijiet Ewropej, infetħu is-sena li għaddiet stess, filwaqt li 7 każijiet oħra kienu diġà nfetħu fis-snin ta’ qabel.
Il-figura ta’ 23 każ miftuħa sa tmiem is-sena 2016 minħabba traspożizzjoni tardiva hija l-istess bħas-sena 2016 – fejn sa tmiem l-2016 ukoll kien hemm 23 każ miftuħ li jirrigwardja ttardjar ta’ implimentazzjoni ta’ xi liġi tal-Unjoni Ewropea. Madanakollu, din il-figura xorta waħda hija żieda qawwija mis-snin 2013, 2014 u 2015 fejn sa tmiem dawn is-snin kien hemm biss 7, 5 u 13-il każ rispettivament miftuħin u li kienu jikkonċernaw traspożizzjoni tardiva.
Il-proċeduri li nfetħu kontra Malta fl-2017 kienu jirrigwardjaw suġġetti varji – fosthom it-trasport, il-mobilità u l-ambjent.
Fost oħrajn, il-Kummissjoni Ewropea kienet talbet lil Malta biex timplimenta bis-sħiħ direttiva dwar azzjonijiet għad-danni skont il-qasam tal-antitrust, direttiva li tgħin liċ-ċittadini u lill-kumpaniji jitolbu kumpens għad-danni jekk jisfaw vittmi ta’ ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust.
Dwar il-mobilità u t-trasport, il-Kummissjoni Ewropea kienet talbet lil Malta biex tinnotifika l-qafas ta’ politika nazzjonali tagħha skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi. Il-qafas ta’ politika nazzjonali huwa l-istrument ewlieni mogħti mid-Direttiva biex jiġi żgurat il-bini ta’ infrastrutturi suffiċjenti tal-karburanti alternattivi, inklużi l-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi u l-istazzjonijiet ta’ riforniment għall-gass naturali u l-idroġenu.
Fil-qasam tal-ambjent, il-Kummissjoni Ewropea kellha tiftaħ proċeduri kontra Malta talli ma implimentawx għalkollox id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi; Direttiva li tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi kif suppost.
Dawn il-proċeduri kollha miftuħa fl-2017 ma jinkludux proċeduri oħra li bdew jinfetħu tul din is-sena kontra l-Gvern Malti minħabba nuqqasijiet fil-mod ta’ kif jimplimenta l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>