Prestazzjoni qalbiena mit-tim ta’ Balzan waslet għal rebħa ta’ 2-1 kontra l-Islovakki SK Slovan Bratislava, rebħa minima li tħalli liż-żewġ timijiet b’ċans li jagħddu gġar-rawnd li jmiss tal-Europa League.
It-tim Malti kien ferm kumpatt fuq wara u kreattiv fuq quddiem tul id-90 minuta u ma kien jimmerithom xejn anqas minn rebħa, rebħa li għandha timlihom b’kuraġġ għall-konfront li jmiss fit-tieni leg.
Madanakollu, gowl barra minn darhom għal Slovan Bratislava fisser li anke huma ħarġu kuntenti minn dan il-konfront.
Balzan marru minn fuq fis-16-il minuta permezz ta’ Bojan KALJEVIC li iltaqa’ ma’ kross mix-xellug tal-captain Steve Bezzina u minn pożizzjoni ftit angolata mill-kaxxa spara fix-xibka.
Fl-24 minuta Slovan Bratislava resqu għall-ewwel darba lejn il-lasti, iżda wara kross insidjuż minn barra l-kaxxa ta’ Artem Sukhotskiy, id-daqqa ta’ ras ta’ Andraz Sporar kienet kemxejn fjakka.
Minuta minn tmiem l-ewwel taqsima, t-tim Malti reġa’ resaq viċin meta Kaljevic għadda lejn Cadu li venven xutt b’saħtu li kien mdawwar f’korner b’mod spettakolari.
Fl-54 minuta, l-Islovakki għal ftit ma’ ġabux d-dro, meta minn korner laħaq bir-ras Kenan Bajric wara ħarġa ħażina ta’ Steve Sultana, iżda ma rnexxilux jolqot kif xtaq u xeħet għoli.
Balzan setgħu marru tnejn minn fuq fil-65 minuta wara li minn azzjoni maħduma tajba bejn is-sostitut Alfred Effiong u Lecao, il-ballun kien imblukkat mill-gowlkiper u waqa’ barra l-kaxxa f’saqajn Cadu li ma rnexxilux iqabbeż għal ġox-xibka.
L-kontrattakki kontinwi ta’ Balzan meritatament waslu għall-vantaġġ doppju fit-68 minuta meta kien Uros LJOBOMIRAC li daħal tajjeb fil-kaxxa u spara ġewwa wara li Cadu lagħab il-vantaġġ u żmarkaħ tajjeb.
Slovan Bratislava naqsu d-distakk u skorjaw gowl importanti għalihom barra minn darhom fit-73 minuta meta Savicevic ittanta xortih minn barra l-kaxxa u ra l-ballun jispiċċa fix-xibka wara li ddevja mad-difensuri ta’ Balzan.
Fit-80 minuta, Cadu lemaħ lil Michal Sulla barra mill-lasti tiegħu u prova jqabeż minn mal-limiti ta’ nofs il-grawnd, ballun li iżda niżel wara l-lasta.
It-tim immexxi minn Marko Micovic jilgħab it-tieni leg ta’ dan il-konfront fl-Islovakkja, il-Ħamis 2 ta’ Awwissu fit-8:30PM.
//= $special ?>