Futbol Sport

Valletta jiksbu draw importanti lejn it-tmiem fil-Bożnja

ZRINJSKI……………. 1

VALLETTA………….. 1

Zrinjski: I. Brkic (A. Soldo 45’), M. Galic, S. Jakovljevic, H. Barisic, P. Stojkic, S. Pezer, F. Cirjak, M. Filipovic (M. Bencun 64’), N. Bilbija, O. Todorovic, A. Bekic (M. Acimovic 70’)

Valletta: H. Bonello, R. Saleh, S. Borg (J. Cruz Gill 49’), R. Camilleri, J. Zerafa, R. Muscat, M. Alba (J. Borg 86’, S. Malano, M. Fontanella, M. Piciollo, K. Nwoko (B. Gavrila 65’)

Imwissija: M. Fontanella 35’, M. Alba 60’, J. Cruz Gill 82’, S. Malano 83’ (V), O. Todorovic 43’, M. Galic 53’, H. Barisic 81’ (Z)

Skorjaw: N. Bilbija 52’ (Z), M. Fontanella 90’ (V)

Referee: Neil Doyle (Irlanda)

Gowl lejn it-tmiem ta’ Mario Fontanella riżultat pożittiv lil Valletta meta spiċċaw 1-1 barra minn darhom kontra ċ-champions tal-Bożnja Zrinjski. Dan ir-riżultat jpoġġi lill-Beltin f’sitwazzjoni possibbli li jistgħu jikkwalifikaw meta l-Ħamis li ġej jilagħbu fis-Centenary Stadium.

Zrinjski fetħu tajjeb u għal ftit ma fetħux l-iskor wara żewġ minuti iżda Henry Bonello salva tajjeb minn pożizzjoni favorevoli. Valletta ħolqu azzjoni tajba fit-18-il minuta bi kross mix-xellug fil-kaxxa ta’ Matteo Piciollo jsib lil Kyrian Nwoko li għola tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras tal-attakkant kienet ċentrali.

Fid-39 minuta, Joseph Zerafa kien providenzjali biex antiċipa lil Amer Bekic li kien se jiftaħ l-iskor minn quddiem il-lasta.

It-tim Bożnjak ħarġet tajjeb fit-tieni taqsima u fit-52 minuta meta NEMANJA BILBIJA seraq il-ballun mingħand Ryan Camilleri u b’konklużjoni fil-baxx mill-kaxxa għeleb lil Henry Bonello. Zrinjski kellhom żewġ okkażjonijiet perikolużi, l-ewwel fit-63 minuta bil-captain Stojkic ma jinkwadrax il-lasta wara li Bonello kien salva parzjalment xutt fil-baxx.

Imbagħad erba’ minuti wara, Vekic qabbeż tajjeb fuq Bonello iżda t-tentattiv għadda ċentimetri barra. Zrinjski kienu qed jikkontrollaw, iżda kien fid-90 minuta li Valletta ġabu d-draw meta minn kross fil-baxx mix-xellug ta’ Joseph Zerafa, daħal tajjeb MARIO FONTANELLA li b’opportuniżmu għeleb lil Soldo b’xutt fil-baxx.