Lokali

40 investigati u €3.4 miljun sekwestrati fuq llegalitajiet li saru wkoll minn Malta

Investigazzjoni tal-Guardia di Finanza tal-Italja wasslet għal sekwestru b’valur ta’ €3.4 miljun waqt li erbgħin persuna qed ikunu investigati.

Il-Pulizija kienet qed tinvestiga omiċidju ta’ Alfio Molteni minn Carugo, li nqatel fl-14 t’Ottubru 2015 meta skoprew sistema msejjħa bħala Ponzi Scheme, ikkunsidrata bħala forma ta’ frodi fejn negozjanti jattiraw investituri ġodda biex bil-flus li jinvestu dawn tal-aħħar, jitħallsu investituri li jkunu nvestew qabilhom.

Dawk li jkunu qed jinvestu, jaħsbu li r-ritorn mill-investiment tagħhom ikun ġew minn bejgħ ta’ prodotti u servizzi filwaqt li jkunu mqarrqa għax mingħalihom li n-negozju li jkunu qed jagħmlu jkun sostenibbli fil-tul. Dan bil-konsegwenza li ma jitolbux ħlashom kollu lura bit-tama li jkattru ġidom.

Fil-każ tas-sistemà li nkixfet fl-Italja, grazzi għal Operazione Crowd-funding, instab li min kien imexxiha kien qed jagħmel dan bl-iskop li jwettaq ħasil ta’ flus ġejjin minn attivitajiet illegali.

Minbarra diversi reġjuni fl-Italja, instab li din is-sistema kienet qed issir ukoll f’diversi pajjiżi fosthom Malta, imma wkoll Ċipru, ir-Renju Unit, l-Iżvizzera, Awstrija u l-Lussembugu.