Lokali Sport Sport Ieħor

Adrian Delia jiltaqa’ mal-tim tal-Futsal ta’ Valletta

Wasaltu għar-rebħ grazzi għall-impenn kollettiv tagħkom. Iżda importanti wkoll li kull tim ikollu rispett assolut lejn l-avversarji tiegħu, anke meta jkun rebbieħ.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt laqgħa mat-tim tal-Futsal ta’ Valletta, fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Iż-żjara saret fl-okkażjoni tar-rebħ tal-Kampjonat Nazzjonali mit-tim Belti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit għall-Ħidma fil-Parlament David Agius u mis-Segretarju ta’ TimSport PN Andre Muscat, iltaqa’ mal-plejers u l-Uffiċjali tal-klabb, immexxija mill-President Chris McKay.

Filwaqt li awguralhom għall-impenji li issa se jkollhom barra l-pajjiż, Adrian Delia appellalhom biex ma jsiefrux bil-ħsieb li mhux kapaċi għax aħna pajjiż żgħir, iżda bit-tama li kapaċi nirbħu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li grazzi għall-valuri sbieħ li joħorġu mill-isport, dan għandu jibqa’ prijorità politika għall-Partit. Fl-istess waqt, l-isport għandu jkun parti essenzjali mill-kultura ta’ pajjiżna.

Adrian Delia ħa ritratt mad-delegazzjoni kollha, biż-żewġ naħat ippreżentaw tifkiriet tal-okkażjoni lil xulxin.