Il-plejer tat-tim nazzjonali Malti Dino Zammit sofra minn tiċrita fil-muskolu u l-għerq tal-pectoralis maġġur tas-sider. Dan wara li l-Ħamis li għadda sar MR Arthogram li wassal fejn ġie konkluż li hemm problema fl-akbar muskolu tas-sider li jingħaqad mal-għadam. Dan il-bulettin mediku sar bil-permess tal-plejer f’isem l-ASA u l-klabb ta’ San Ġiljan.
Zammit weġġa’ spalltu x-xellugija waqt fl-ewwel sessjoni tal-logħba tat-tim nazzjonali Malti kontra Franza fl-20 ta’ Lulju, b’konsegwenza li kellu jieqaf jilgħab. Hu kien ittieħed l-isptar għal investigazzjoni dwar l-entità tal-injury.
Hemm sarulu l-X-Rays li eskludew ksur u ħareġ mill-isptar mingħajr dijanjosi iżda kien referut għal aktar aċċertamenti f’pajjiżna.
Wara konsultazzjoni mal-Kirurgu tal-Orthopaedic, sa issa l-operazzjoni kienet eskluża u l-plejer mistenni jiffoka immedjatament fuq ir-rijabilitazzjoni intensiva. Għalissa għadha ma teżistix data li fiha Zammit jista’ jirkupra, sakemm jerġa’ jkun assessjar ieħor għaxart ijiem oħra. Għalhekk għadu mhux magħruf meta Dino Zammit jista’ jerġa’ jkun tajjeb għal-logħob.
F’kuntatt li dan il-ġurnal għamel mal-President ta’ San Ġiljan, Daniel Aquilina qal li “ħadt ir-ruħ li m’hemmx bżonn operazzjoni f’dan l-istadju. Hemm tim mediku jieħu ħsiebu u l-aħjar nimxu pass pass. L-injury xorta tibqa’ serja u nibqgħu kawti. Se nagħmlu l-aħjar li nistgħu biex nirkuprawh iżda rridu nirrispettaw il-proċess mediku u l-interessi personali tas-saħħa tal-plejer.”
Zammit hu mistenni li jitlef diversi partiti ta’ San Ġiljan fil-kampjonat, u mhux eskluż li ma jkunx aktar fit-tim f’dan il-kampjonat, bl-aħħar logħba ta’ San Ġiljan f’dan l-istaġun hi l-finali tan-knock-out fil-11 ta’ Settembru kontra Neptunes.
//= $special ?>