Fl-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja jintqal kif kien hemm żewġ kumpaniji reġistrati f’Dubai bl-isem ta’ Sahra FZCO u Shams Al Sahra FZCO li kellhom kontijiet fil-bank Pilatus u li minnu kienu jagħmlu ħlasijiet barra minn Malta.
Is-sidien ta’ Sahra FZCO huma żewġt itfal tal-President tal-Ażerbajġan, Leyla u Arzu Aliyeva.
Is-sidien tal-kumpanija Shams Al Sahra FZCO huma Nijat u Tale Heydarov, ulied il-Ministru Ażeri Kamaladdin Heydarov.
Kollox jindika li l-Ministru Heydarov beda jwaqqaf kumpaniji f’Malta ftit wara ż-żjara ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi fl-Ażerbajġan f’Novembru 2014.
Heydarov hu magħruf li għamel kemxiet kbar ta’ flus bħala Ministru Ażeri.
Kamaladdin Heydarov huwa meqjus bħala l-aktar persuna sinjura fl-Ażerbajġan wara l-familja Aliyev. Għal ħafna snin kellu l-kariga ta’ Chairman tal-Kumitat tal-Istat Ażerbajġani responsabbli mid-Dwana. Dejjem ġie allegat li minn din il-kariga, Heydarov wassal biex ikkontribwixxa għal kultura sistematika ta’ korruzzjoni fejn jidħol l-operat tad-dwana u tal-kummerċ barrani, kif ukoll ġew stabbiliti monopolji fejn għandhom x’jaqsmu l-esportazzjoni u l-importazzjoni.
Il-President tal-pajjiż, Ilham Aliyev, ħatar lil Kamaladdin Heydarov bħala l-Ministru għas-Servizzi tal-Emerġenza. Dan il-Ministeru flimkien mar-responsabbiltà tal-Awtorità tad-Dwana żviluppaw bħala bażi tal-imperu ta’ Heydarov. Il-Ministeru għas-Servizzi tal-Emerġenza mhuwiex biss responsabbli mid-diżastri naturali jew sitwazzjonijiet oħra ta’ emerġenza fl-Ażerbajġan. Il-Ministeru ta’ Kamaladdin Heydarov jikkontrolla wkoll attività oħra li għandha x’taqsam tas-sigurtà interna tant li l-istess Ministeru għandu speċi ta’ qawwiet armati speċifikament imqabbda mal-Ministeru konċernat.
Settur li jrendi ammonti kbar ta’ flus jirriżulta li huwa r-responsabbiltà tal-Ministeru li jmexxi Heydarov biex tkun assigurata s-sigurtà waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Il-belt kapitali Ażerbajġana, Baku, ilha għaddejja minn attività qawwija ta’ kostruzzjoni, u skont dokumenti żvelati mill-‘Wikileaks’, jingħad li Kamaladdin Heydarov abbuża mill-kariga tiegħu ta’ Ministru biex jikseb flus minn dawn il-proġetti ta’ kostruzzjoni fl-isfond ta’ theddid li jiġu sospiżi x-xogħlijiet għal raġunijiet ‘ta’ sigurtà’.
//= $special ?>
