Lokali

Iffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-MUT u l-MCAST

Wara sena u nofs intlaħaq ftehim kollettiv bejn l-MUT u l-MCAST.

B’dan il-ftehim il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fl-MCAST ser ikunu qed jitjiebu. Il-ħaddiema akkademiċi tal-MCAST se jkollhom żieda fil-paga, fir-riżorsi u titjib fl-istandards.

Fi stqarrija konġunta, rappreżentanti tal-MCAST qalu li l-kulleġġ jaf bl-ammont sostanzjali ta’ xogħol li l-ħaddiema tiegħu għandu u b’hekk se jkun qed jassigura li jingħatawlhom ir-riżorsi neċessarji u kundizzjonijiet xierqa biex ikunu jistgħu iwettqu dan.

Il-kulleġġ ser ikun qed jassigura wkoll li l-istudenti tal-MCAST jiġu mgħammra bl-għarfien, ħiliet u kompetenza li tirrikjedi d-dinja tax-xogħol tal-lum.

Il-bord tal-MCAST ikkummenta li dan il-ftehim ser ikun qed jaċċellera bidla fis-soċjeta Maltija, b’mod speċjali bidla fl-ekonomija.

Marco Bonnici, il-President tal-MUT, qal li permezz ta’ dan il-ftehim intlaħaq prinċipju li jirrikonoxxi lil min jaħdem fil-post-sekondarju daqs ħaddiema fis-setturi l-oħra, b’mod finanzjarju u anke fil-kundizzjonijiet tagħhom. Qal ukoll li permezz ta’ dan il-ftehim ser tiżdied il-kwalita’ tal-gradi, li anke ser tkun qed tgħin l-istudenti ta’ dan l-istitut.