Numru ta’ ħaddiema tas-sigurta’ kif ukoll ħaddiema klerikali li jaħdmu mal-privat fl-isptar Mater Dei u Sir Anthony Mamo Oncology Centre (SAMOC), minn nhar it-Tnejn se jkunu qed isegwu direttivi mogħtija lilhom mill-GWU. Il-ħaddiema mhux se jirrispondu t-telefon u mhux se jużaw il-kompjuter.
Charles Galea, is-Segretarju tal-GWU għat-Taqsima Professjonali, Finanzi u Servizzi, qal li sakemm dawn il-ħaddiema jiġu trattati inqas minn ħaddieħor, jibqgħu jagħmlu xogħol inqas.
Fost affarijiet oħra, dawn il-ħaddiema qed jipprotestaw għall-fatt li qed jiġu ddiskriminati fil-parkeġġ. Skond rappreżentanti tal-GWU ħaddiema oħra li tal-isptar għandhom aċċess biex jipparkjaw fl-isptar, filwaqt li dawn il-ħaddiema itteħdilhom dan id-dritt wara bdil reċenti tal-opeartur li impjegahom.
Theo Vella, Uffiċjali tas-sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi fi ħdan il-GWU ikkwota t-termini tar-referenza fil-kuntratt tal-ħaddiema tal-isptar fejn jgħid li dawn għandhom dritt għal parkeġġ bla ħlas fl-istess sptar.
Ir-rappreżentanti tal-istess union qalu li dawn l-azzjonijiet se jippersistu sakemm titranġa s-sitwazzjoni u titneħħa d-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dawn il-ħaddiema.
Ir-rappreżentanti komplew jgħidu li hemm kwestjonijiet oħra li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema li hemm bżonn jiġu indirizzati, fosthom in-nuqqas ta’ ħlas għal xogħol li jagħmlu fil-jum tal-Ħadd.
//= $special ?>