Lokali

“Il-ballun f’saqajn il-PM; X’se jagħmel b’Konrad Mizzi u Keith Schembri li l-inkjesta ma eżonerathomx?”

Id-deċiżjonijiet tiegħi dwar ir-responsabbiltà politika fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ħadthom. Issa, l-ballun jinsab f’saqajn il-Prim Ministru Joseph Muscat biex tintrefa’ r-responsabbiltà minn dawk li l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja ma eżonerathomx.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jiġi intervistat fil-programm Xtra.

“Il-ballun issa f’saqajn il-Prim Ministru. Adrian Delia ddeċieda. Il-kwistjoni issa hija waħda nazzjonali fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat irid jara x’se jagħmel b’dawk li ma ġewx eżonerati mill-inkjesta ta’ Aaron Bugeja u li ammettew li għandhom dak li Muscat jinsab kuntent li issa ġie stabbilit li m’għandux,” qal Adrian Delia.

Adrian Delia kien qed jitkellem dwar il-kumpaniji Hearnville u Tillgate – kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri li l-eżistenza tagħhom ġiet ikkonfermata fl-inkjesta ta’ Aaron Bugeja stess.

Żied jgħid li hu ma ddejjaq xejn jieħu deċiżjonijiet ibsin iżda bżonnjużi biex tintrefa’ r-responsabbiltà politika fi ħdan il-Partit Nazzjonalista stess.

“Mela kemm iktar Joseph Muscat għandu jitlob li tintrefa’ r-responsabbiltà – jew inkella jerfa’ r-responsabbiltà hu stess – fejn hemm fatti (u mhux allegazzjonijiet) li Ministru għoli tal-Gvern u uffiċjal għoli tal-Gvern għandhom kumpaniji bħal ma hu stess qed jiċċelebra li nstab li m’għandux,” insista Adrian Delia.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia waqt il-programm Xtra

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-mod kif il-Partit Nazzjonalista jikseb il-kreddibiltà hu jekk ma jdaħħalx rasu fir-ramel fid-dawl tal-inkjesta Egrant.

“X’ħin tagħmel hekk, imbagħad, trid tibda tara x’inhuma l-affarijiet l-oħra li għadhom pendenti fil-pajjiż – inkluż każijiet oħra ta’ korruzzjoni li għandna obbligu li nitkellmu dwarhom,” qal Adrian Delia. “Imma jekk se nibqgħu nitkellmu fuq ‘Egrant’, se nibqgħu imwaħħlin u n-nies ma jemmnuniex. Mela ejja nkunu kredibbli,” żied jgħid.

Dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta, il-Kap tal-Oppożizzjoni rrepeta l-appell tiegħu biex ir-rapport jiġi ppubblikat b’mod sħiħ u kien hawn fejn fakkar li l-Avukat Ġenerali injora din it-talba.

Daħħalt protest ġudizzjarju biex jiena ninsisti u jekk hemm bżonn nibqa’ għaddej biex il-Qrati jordnaw li l-Oppożizzjoni jkollha kopja tar-rapport, għax inkella se jinħoloq żbilanċ politiku,” wissa Adrian Delia.

Dwar il-prerogattiva tal-Avukat Ġenerali li jippubblika r-rapport, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din hija kwistjoni ta’ interess nazzjonali f’ċirkustanzi eċċezzjonali u għaldaqstant għalhekk jeħtieġ li r-rapport jiġi ppubblikat b’mod sħiħ.