Lokali

Il-prodott Superglue perikoluż għall-konsumatur

Il-konsumaturi għandhom jevitaw l-użu ta’ din il-kolla u huma mħeġġa jirritornawhom fil-ħwienet minn fejn xtrawhom

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), qed tirtira minn fuq is-suq il-prodott Superglue li jidher fir-ritratt, wara li nstab li fih ammont kbir ta’ chloroform li jista’ jikkawża irritazzjoni fil-ġilda u, agħar minn hekk, jista’ jkun ta’ detriment għas-saħħa jekk jinxtamm jew jinbela’.

Minħabba li dan il-prodott mhux konformi mar-Regolament tar-REACH, wieħed jista’ jsib notifikazzjoni fuq is-sistema RAPEX tal-Kummissjoni Ewropea.

Fid-dawl ta’ dan, il-konsumaturi għandhom jevitaw l-użu ta’ din il-kolla u huma mħeġġa jirritornawhom fil-ħwienet minn fejn xtrawhom. L-operaturi ekonomiċi huma ordnati li jieqfu milli jbiegħu jew iqiegħdu dan il-prodott fuq is-suq.

Barra minn hekk, l-MCCAA tieħu azzjoni, kif prevista mil-liġi, kontra dawk l-operaturi ekonomiċi li jkomplu jqiegħdu dan il-prodott fuq is-suq.

Għal mistoqsijiet u tagħrif ieħor rigward dan il-prodott jew xi prodotti oħrajn li mhumiex tal-ikel, misjuba fuq is-suq Malti, wieħed jista’ jikkuntattja lill-MCCAA fuq 23952000.