Internazzjonali

Imran Khan jiddikjara r-rebħa

Imran Khan

L-eks stilla tal-cricket, Imran Khan, ilbieraħ iddikjara r-rebħa fl-elezzjoni ġenerali li saret fil-Pakistan; imma l-indikazzjonijiet huma li għalkemm rebaħ l-akbar ammont ta’ voti, il-partit tiegħu, it-Tehreek-e-Insaf (PTI), ma kellux il-maġġoranza.
Il-kampanja elettorali kienet waħda mdemmija u fil-jum tal-votazzjoni bomba qatlet 31 persuna f’post tal-votazzjoni.
Il-partit tal-eks Prim Ministru Nawaz Sharif, il-Lega Musulmana tal-Pakistan, u wkoll grupp ta’ partiti żgħar mhux qed jaċċettaw ir-riżultat għaliex qed isostnu li sar it-tbagħbis.
Din hi biss it-tieni darba fl-istorja tal-Pakistan li gvern ċivili temm il-mandat tiegħu u ċeda l-poter lil gvern elett ieħor.
Jidher li l-partit ta’ Khan rebaħ 119-il siġġu minn 270 fil-Parlament tal-Pakistan.
Khan issa aktar jipprova jifforma koalizzjoni imma se jkollu sfidi kbar quddiemu, fosthom ekonomija li qed tikkrolla, dejn kbir u attività mill-militanti Iżlamiċi.