Argument bejn erba’ tfajliet, li seħħ matul tmiem il-ġimgħa li għadda f’Paceville, wassal biex waħda minnhom sofriet feriti gravi kawża ta’ ksur, bit-tlieta l-oħra spiċċaw fil-Qorti, jammettu l-akkużi fil-konfront tagħhom.
It-tliet akkużati, Spanjoli ta’ bejn is-16 u t-18-il sena, is-Sibt li għadda kienu fi stabbiliment tad-divertiment, fejn argumentaw ma’ studenta Franċiża li kienet ma’ ġuvni. Dan hekk kif it-tlieta kienu qed ifittxuha, tant li spiċċaw iġebbduha minn xagħarha.
Kawża tal-aggressjoni, il-Franċiża spiċċat ukoll bi ksur f’idha wara li tkaxkret għal diversi metri mill-Ispanjoli. Hi setgħet issofri minn feriti agħar, li kieku ż-żagħżugħ li kien magħha ma intervjeniex fil-ħin biex iwaqqaf lill-oħrajn milli saħansitra jaħarqulha xagħarha.
Fil-Qorti ngħad li t-tliet Spanjoli ħarbu mill-post, iżda kienu arrestati ftit wara f’lukanda wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni dwar fejn kienu. Min-naħa l-oħra, il-Franċiża marret pajjiżha biex tingħata l-kura, b’missierha jattendi s-seduta tal-Qorti f’isimha.
It-tliet tfajliet Spanjoli kienu akkużati li kkawżaw feriti gravi għalkemm mingħajr intenzjoni li jqegħdu ħajjet il-Franċiża fil-periklu. Iggwidati minn interpretu u Avukati, huma ammettew l-akkużi wara li l-Qorti tathom permess iċemplu lil qrabathom.
Il-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Ian Farrugia ċanfar lit-tliet akkużati, tant li qalilhom li jekk jerġgħu jagħmlu att kriminali hekk f’pajjiżna, jispiċċaw il-Ħabs. Madankollu, huma ngħataw il-libertà proviżorja b’numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom garanzija personali ta’ €1,000 kull waħda u li ma jistgħux javviċinaw lill-vittma għal sena.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Nikolai Sant, filwaqt li l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Daniel Buttigieg dehru għall-akkużati.
//= $special ?>