Charles Polidano, sid il-park tal-annimali li jagħmel parti mill-kumpless ta’ Montekristo, inħeles minn kull akkuża fil-konfront tiegħu fil-każ tal-attakk ta’ tigra fuq tifel ta’ 3 snin f’Novembru tal-2015.
Il-kawża fil-qorti nfetħet mill-pulizija kważi sentejn wara li seħħ il-każ, bil-maġistrat Joseph Mifsud, li sema’ dan il-każ jgħid li l-pulizija għandha tara li l-inkjesta maġisterjali tingħalaq mil-aktar fis possibli meta jkun hemm provi biżżejjed biex jinfetaħ każ.
Kien il-Ħadd wara nofsinhar meta tifel ta’ 3 snin kien qed iżur il-park ma nannuh. Hu niżel minn fuq karusell li kien fuqħa u ġera lejn it-tigra li kienet għadha kemm inħarġet mill-gaġġa tagħha peress li kienet marida. It-tigra kienet f’idejn handler u kienet fuq ċinga tal-metall meta attakkat lit-tifel u kkawżatlu ġrieħi f’wiċċu u kellu bżonn interventi l-isptar.
Il-familja tat-tifel waslu għal ftehim mas-sid tal-park barra mill-qorti.
Polidano kien akkużat ukoll bi tmexxija ta’ park tal-annimali mingħajr liċenzja, b’żamma ta’ annimali selvaġġi li huma projbiti f’Malta, u li hu reċidiv.
Il-maġistrat innota li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprovdi lista tal-annimali selvaġġi li kien hemm fil-park, u s-servizzi veterinarji naqqsu milli jżuru l-park dakinhar tal-inċident. Għalhekk ma setax isib lill-akkużat ħati b’żamma illegali ta’ annimali meta l-prosekuzzjoni ma pprovdietx prova ta’ dan.
Flimkien ma’ Charles Polidano, kienu mressqa wkoll iż-żewġ handlers, Michael Mercieca u Muhammad Saleem. Mercieca nħeles minn kull akkuża iżda Saleem instab ħati u ngħata l-ħelsien b’kundizzjoni għal tlett snin. Hu kien ukoll ordnat iħallas terz mill-ispejjeż tal-qorti.
//= $special ?>

