Internazzjonali

Putin jistieden lil Trump iżur Moska

Il-President Russu Vladimir Putin stieden lill-President Amerikan Donald Trump biex iżur Moska. Hu żied li kemm hu kif ukoll Trump kienu lesti jkollhom aktar summits fil-ġejjieni qrib, imma ried ikun hemm il-kundizzjonijiet tajbin biex dan isir.
Putin u Trump kienu ltaqgħu fil-bidu tax-xahar f’Helsinki, il-Finlandja, imma Trump kien ikkritikat bl-aħrax għall-mod kif mexa ma’ Putin għaliex intqal li kien dgħajjef wisq fil-konfront tiegħu.
Waqt li kien qed jitkellem mal-ġurnalisti waqt is-summit tal-pajjiżi tal-BRICS – il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, iċ-Ċina u l-Afrika t’Isfel – fl-Afrika t’Isfel, Putin qal li ma kienx biżżejjed li jkun hemm telefonati bejn iż-żewġ naħat u kien hemm bżonn laqgħat wiċċ imb wiċċ biex ikunu diskussi diversi temi serji.