Mara li kienet qed issuq b’żewġt itfal magħha – tat-twelid u ta’ tliet snin, irrakkuntat l-orrur li għaddiet minnu meta rat karozza tinstaq bi qżież u b’veloċità qawwija għal fuqha.
Il-każ seħħ għall-ħabta tan-nofs siegħa fi Triq it-Turisti l-Qawra meta l-mara lemħet karozza sewda b’grupp ta’ żgħażagħ fiha, tinstaq b’veloċità qawwija lejn il-karozza tagħha.
“Malli rajt il-karozza l-oħra ġejja fuqhi ‘head on’, provajt nimmanuvra l-karozza tiegħi lejn ġenb it-triq,” kitbet Pauline Agius fuq Facebook, personalità u preżentatriċi Maltija, li spjegat kif tal-karozza l-oħra tilef il-kontroll meta prova jagħfas il-break.
“Il-karozza l-oħra spiċċat waqfet ftit pulzieri biss bogħod mis-seat tal-passiġġier ta’ quddiem, jiġifieri fejn kelli lit-tarbija ta’ twelid,” irrakkuntat il-mara.
Hi ddeskriviet ix-xokk li ħasset dak il-ħin, tant li bilkemm irnexxielha toħroġ mill-karozza. U sa meta ħarġet mill-karozza, il-vettura l-oħra kienet laħqet saqet b’lura u ħarbet mill-post.
Agius kitbet dan kollu f’post fuq Facebook li fih appellat għall-għajnuna tal-pubbliku biex din il-karozza tiġi identifikata – hekk kif jidher li dan ma kienx l-ewwel inċident li fih kien hemm involuta din il-karozza partikolari.
//= $special ?>