Sentejn wara li isem iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi dehru iswed fuq l-abjad fuq il-Panama Papers – wara li nstab li kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama – is-Segretarji Parlamentari Silvio Schembri u Aaron Farrugia għadhom ma jarawx raġuni għalfejn iż-żewġ persuni qrib il-Prim Ministru għandhom jirriżenjaw.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, iż-żewġ Segretarji Parlamentari nfexxew f’attakki kontinwi fil-konfront ta’ numru ta’ esponenti tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda meta mistoqsija meta jaħsbu li Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom jirriżenjaw, Silvio Schembri qal li din hi biss kantaliena tal-Partit Nazzjonalista. Qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux ikompli jitkellem dwar dawn l-affarijiet.
F’pożizzjoni ċara li jħossu skomdu jitkellem dwar il-kumpaniji li Konrad Mizzi u Keith Schembri fetħu fil-Panama, is-Segretarju Parlamentari jirreferi għalihom biss bħala “il-każ li qed issemmi inti”, filwaqt li jgħid li qed jippruvaw jintefgħu d-dubji.
Min-naħa tiegħu, Aaron Farrugia qal li l-Inkjesta li mexxa l-Maġistrat Aaron Bugeja tassolvi lil kulħadd. Iżda meta mistoqsi jekk il-fatt li isem Keith Schembri u Konrad Mizzi jinstabu fil-Panama Papers, hu stkenn wara l-Inkjesti li s’issa għadhom pendenti.
//= $special ?>