Lokali Unjoni Ewropea

“Daqt jibdew jakkużawni li qed nimmanipula l-FBI” – David Casa

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa kkundanna l-attentati fjakki li qed isiru biex tingħata l-impressjoni li l-Bank Pilatus hu nadif, u dan fuq bażi ta’ parti żgħira ta’ inkjesta.

“Ma ninsabx sorpriż li l-Bank Pilatus iddeċieda wkoll li jirkeb fuq il-kampanja tal-ispin u l-informazzjoni qarrieqa li bħalissa qed issir bil-għan li tnaddaf il-politiċi tal-Labour mill-ħażen, fuq bażi ta’ inkjesta li ma kelliex x’taqsam magħhom.

Id-dikjarazzjoni tal-Bank Pilatus li l-parti żgħira tal-inkjesta ppubblika tnaddaf ismu, hi redikola u kundannabbli.

Il-preżenza tal-Bank Pilatus f’Malta wasslet għal theddida għall-industrija tas-servizzi finanzjarji f’Malta, u ġabet fondi illeċiti lejn Malta, u possibilment il-kriminali li użaw l-istess bank. Hu għalhekk li jien ħdimt biex nassigura li l-awtoritajiet jagħmlu dmirhom dwar il-Bank Pilatus. Minn Ottubru 2017, jien ktibt lill-MFSA, l-Bank Ċentrali Ewropew, l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Kriminalità, l-Awtorità Regolatorja Prudenti, FIUs internazzjonali, l-Grupp Egmont u MONEYVAL. Il-ħidma tiegħi ma kelliex x’taqsam mal-partijiet tal-inkjesta ppubblikata.”

Il-Bank Pilatus jinsab fi problemi serji għaliex sidu jidher li għandu storja ta’ ħasil ta’ flus. U għaliex il-bank, skont prosekuturi fl-Istati Uniti, twaqqaf minn profitti mill-kriminalità.

Il-Bank Pilatus jibqa’ jkun il-bank, li skont l-FIAU, ħasel il-flus għal Keith Schembri u dawk viċin tiegħu, u ħasel il-flus tal-familja li tmexxi l-Ażerbajġan. U s-sid tiegħu baqa’ taħt arrest fl-Istati Uniti u qed jaffaċċja perjodu ta’ 125 sena l-ħabs.

Il-mod bla mistħija kif il-Bank PIlatus qed jagħmel attentat biex isalva ma’ riżultati ta’ biċċa żgħira minn inkjesta ppubblika m’hu xejn għajr attentat biex tiġi ostakolata l-ġustizzja.