Lokali Qorti

Droga moħbija fil-frott: Tlieta Jitressqu l-Qorti sejba ta’ droga u ‘controlled delivery’

Kollha jwieġbu mhux ħatja imma kollha jinżammu arrestati wara li l-ebda imputat ma jitlob ħelsien mill-arrest

Il-Qorti semgħet dettalji dwar kif seħħet ‘controlled delivery’ li wasslet għall-qbid ta’ ammont kbir ta’ droga kannabis.

Dan hekk kif fil-Qorti tressqu tliet irġiel li b’xi mod jew ieħor allegatament kienu involuti fit-traffikar ta’ 200 kilo droga li nstabet moħbija f’żewġ kunsinji ta’ dulliegħ u bettieħ.

Kien il-Ħamis meta l-Pulizija rċeviet informazzjoni li kienet waslet xi droga għand kumpanija tal-merkanzija f’Ta’ Qali, lesta biex tiġi trasportata. Malli marru fuq il-post, huma għamlu s-sejba ta’ 90 kilo droga moħbija f’konsenja ta’ dulliegħ, liema konsenja kienet għadha kif ġiet mgħobbija f’vann minn raġel Sqalli ta’ 41 sena.

L-Isqalli kien arrestat minnufih fuq il-post imma aktar tard, il-Pulizija ndunaw li kien hemm konsenja oħra simili – din id-darba magħmula minn bettieħ li kien se jiġi trasportat dakinhar stess.

Minn investigazzjonijiet li għamlu fuq il-post stess, l-investigaturi stabilixxew li filgħodu kien mar raġel iħallas biex id-dulliegħ ikun trasportat. Kien hawnhekk fejn il-Pulizija kisbet il-permessi mill-Qorti biex tkun tista’ tibgħat dan id-dulliegħ fid-destinazzjoni oriġinali taħt dik li tissejjaħ ‘controlled delivery’.

Malli d-dulliegħ wasal f’garaxx f’Ħal Luqa, ġew arrestati żewġt irġiel oħra – Sqalli ieħor ta’ 30 sena u Malti ta’ 28 sena. Irriżulta li fid-dulliegħ kien hemm 110 kilogrammi oħra ta’ droga – biex b’hekk is-sejba kienet tlaħħaq total ta’ 200 kilo.

It-tliet irġiel – dak li għabba l-bettieħ fil-vann u dawk li kienu qed jistennew il-kunsinja tad-dulliegħ – tressqu kollha l-Qorti quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras. Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Anthony Scerri u Frank Anthony Tabone spjegaw id-dettalji tal-każ u qraw l-akkużi kontra l-irġiel.

It-tliet irġiel – Francesco Pisano ta’ 41 sena minn Sqallija, Dennis Agius ta’ 28 sena minn San Ġwann u Antonio Rametta ta’ 30 sena minn Sqallija – tressqu separatament minħabba n-natura tal-każ, iżda fost l-akkużi kien hemm akkużi ta’ pussess ta’ droga, traffikar, assoċjazzjoni u kompliċità.

Francesco Pisano, rappreżentat mill-Avukati Mario Spiteri Bianci u Sarah Mifsud, kellu bżonn interpretu peress li la jifhem bil-Malti u lanqas bl-Ingliż. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih iżda ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

Lanqas ma saret talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Dennis Agius ta’ 28 sena minn San Ġwann, li kien rappreżentat mill-Avukati Amadeus Cachia u Marion Camilleri u li wkoll wieġeb mhux ħati. Apparti l-akkużi marbuta mad-droga, Dennis Agius kien akkużat ukoll li kellu arma tan-nar mingħajr liċenzja.

It-tielet raġel li tressaq kien Antonio Rametta li kien rappreżentat mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Josette Sultana u li wkoll kellu bżonn l-assistenza ta’ interpretu peress li ma jifhimx bil-Malti u bl-Ingliż.

Fil-każijiet kollha, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ordnat li jiġu ffriżati l-assi kollha tal-imputati għajr somma flus biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti. Peress li fl-ebda każ ma saret talba għall-ħelsien mill-arrest, it-tliet irġiel baqgħu jinżammu arrestati sakemm ikompli l-każ.

AĠĠORNATA: Mal-frott isibu 200kg kannabis