Lokali

Scicluna jiftaħ attakk personali flok jindirizza l-kwistjonijiet – Mario de Marco

Il-Ministru Edward Scicluna għażel li jiftaħ attakk personali flok jindirizza l-kwistjonijiet li qajjimt jien.

Qal dan id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco fi stqarrija wara li l-Ministru Edward Scicluna fetaħ attakk fuqu bħala avukat, u dan wara li Mario de Marco kiteb artiklu f’The Times fejn kiteb dwar il-mod kif qed iġib ruħu l-Ministru tal-Finanzi fid-dawl tar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea.

Fl-artiklu f’The Times, Mario de Marco qal li ġaladarba ma ħa l-ebda azzjoni, Edward Scicluna m’għadux sempliċment xhud b’fommu sieket, iżda kollaboratur.

Wara li Scicluna wieġeb għal dan l-artiklu b’attakk personali bbażat fuq il-professjoni legali, Mario de Marco ppubblika stqarrija li fiha qal li l-Ministru Scicluna qed jinsa li l-Ministru tal-Finanzi huwa hu.

“Meta avukat jiddefendi klijent tiegħu, l-avukat ikun qed jagħmel xogħlu,” qal Mario de Marco. “Imma meta Ministru jiddefendi istituzzjoni liċenzjata li s-sid tagħha jkun qed jiġi akkużat b’ħasil ta’ flus, u jiddefendi kollegi li huma soġġetti għal rapporti tal-FIAU minħabba akkużi ta’ ħasil ta’ flus, mela l-Ministru jkun qed jabbuża mid-doveri tiegħu u mhux iwettaqhom,” żied jgħid.

Mario de Marco temm jgħid li l-istqarrija ta’ Edward Scicluna hija konferma ta’ kemm żmienu bħala Ministru issa għadda.