L-atleta Fabio Spiteri sar l-ewwel Malti li rnexxielu jtemm it-tellieqa diffiċli tat-Triple Ultra Triathlon li din is-sena saret f’Lensahn fil-Ġermanja. Spiteri li s-sena l-oħra kiseb it-titlu ta’ Double Ironman, temm it-tellieqa f’ħin ta’ 45 siegħa 44 minuta u 51 sekonda biex spiċċa fl-14-il post minn 44 atleta.
It-Triple Ultra Triathlon tikkonsisti f’distanza ta’ 11.4 kilometru ta’ għawm, 540 kilometru rota u ġirja ta’ 126.6 kilometru. Ir-rotta ta’ din it-tiġrija mhix waħda, iżda hi waħda qasira li biex tkopri d-distanza jirrikjedi ammont sostanzjali ta’ dawriet. Fil-fatt, Spiteri għamel 67 dawra bir-rota u ġirja ta’ 96 dawra.
Biex Spiteri wasal għal dan it-tragward għamel sagrifiċċju kbir, fejn kellu jipprepara ruħu għal din it-tiġrija. Hu kellu jipprepara mentalment, jadatta biex jibqa’ mqajjem fit-tul u jitħarreġ bil-lejl. It-taħriġ għal din l-edizzjoni tat-Triple Ultra Triathlon inkluda taħriġ fuq ir-rota madwar Sqallija fi tlett ijiem, diversi għawmiet ta’ 11-il kilometru, taħriġ bir-rotta ta’ madwar 300 kilometru u ġirjiet ta’ 70 kilometru.
L-aħħar sessjoni ta’ taħriġ qabel Spiteri telaq lejn il-Ġermanja nkludiet ġirja mad-distanza ta’ Għawdex, jgħum minn Għawdex lejn Malta u ġirja miċ-Ċirkewwa sa Birżebbuġa. Minbarra dan l-impenn iebes, Spiteri jgħin ukoll fil-ġlieda kontra l-krudeltà tal-annimali, kif ukoll biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza ta’ ibħra nodfa.
Din ma kinitx l-ewwel darba li t-triatleta Malti pparteċipa f’kompetizzjoni ta’ dan it-tip. Fl-aħħar ħames snin, Spiteri ħa sehem f’seba’ edizzjonijiet tal-Ironman u 21 tellieqa Ironman b’distanza ta’ 70.3 kilometru. Fabio Spiteri għandu l-appoġġ ta’ Garmin Malta, Eurosport Malta, Wheel Wizard, Millenium Clinics, Mosta Tri Club, Festina, 24/7 Fitness Club, Go & Fun u General Automation Services.
//= $special ?>