Bid-delitt doppju ta’ sbieħ it-Tnejn li għadda f’Ħal Għargħur, delitt doppju li ħalla lill-pajjiż ixxukkjat, l-għadd ta’ delitti għal din is-sena issa tela’ għal ħamsa.
Jibqa’ mhux solvut l-ewwel qtil tas-sena, dak li kien seħħ f’Għawdex meta qattiel jew aktar kienu ħanxru għonq raġel Eġizzjan.
Delitt ieħor bejn barranin kien dak ta’ Mejju li għadda meta Libjan kien dabbar xebgħa tajba tant li kien miet xi ġranet wara fl-Isptar Mater Dei. Dwar dan id-delitt tressqu l-Qorti żewġ barranin u kienu akkużati bl-omiċidju tal-Libjan.
Imbagħad kien seħħ, aktar kmieni dan ix-xahar, l-attakk fuq l-imprenditur Malti Hugo Chetcuti li miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, u raġel mis-Serbja kien tressaq il-Qorti akkużat bid-delitt tiegħu.
Sussegwentement ir-raba’ u l-ħames delitt tas-sena kienu dawk li seħħew nhar it-Tnejn li għadda meta żewġ anzjani nisa qalgħu daqqiet ta’ sikkina u spiċċaw minxura f’għadira demm. Iben waħda mill-anzjani tressaq il-Qorti dwar dan id-delitt doppju.
Jannar 2018
L-ewwel delitt għal din is-sena seħħ fis-satra tal-lejl f’għalqa mwarrba fl-Għarb, Għawdex, meta raġel ta’ nazzjonalità Eġizzjana – Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed – kien instab mejjet f’għadira demm wara li qattiel jew aktar kienu ħanxrulu għonqu.
Sal-lum, il-Pulizija tad-Dipartiment Invesigazzjonijiet Kriminali (DIK) u dik ta’ Għawdex għadhom ma solvewx dan id-delitt u s-suspett hu li dak li qatel lil dan l-Eġizzjan ilu li dabbar rasu minn pajjiżna.
Minkejja li wara d-delitt il-Pulizija kienet tkellmet ma’ xi persuni dwar is-sejba makabra li kienet għamlet, dejjem kienet ferm ’il bogħod milli ssolvi dan id-delitt li allura sal-lum għadu misteru anki f’termini ta’ motivi.
Dak li hu stabbilit dwar dan id-delitt hu li sa ftit qabel ma nqatel, l-Eġizzjan kien fil-kumpanija ta’ xi persuni barranin oħrajn, possibbilment Rumeni jew Bulgari.
Fil-fatt, mill-indaġni tal-Pulizija nġabru filmati minn CCTV cameras li juru lill-vittma jirkeb f’karozza fir-Rabat, Għawdex, tard fil-jum tal-Ħadd filgħaxija.
Aktar tard l-istess karozza tidher qed tkun ipparkjata fit-triq prinċipali u minn CCTV cameras oħra, il-vittma jidher ħiereġ minnha u jidħol f’karozza oħra.
Minn dawn il-filmati Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed jidher iqabbad sigarett u jitkellem mas-sewwieq qabel ma saq.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li din l-istess karozza telqet minn Għawdex u qabdet il-Gozo Channel fl-istess jum li fih seħħ id-delitt.
Mejju 2018
Mahmoud Elmejdi hu t-tieni vittma ta’ delitt din is-sena. Dan hu Libjan u d-delitt tiegħu seħħ fi Triq il-Kappillan Mifsud, fil-Ħamrun, wara li dan il-Libjan kien aggredit minn żewġt irġiel.
Kien nhar it-Tnejn, 14 ta’ Mejju, għall-ħabta tad-8.45 a.m. meta l-Pulizija kienet infurmata li f’residenza fi Triq il-Kappillan Mifsud il-Ħamrun kien hemm xi ħadd mitluf minn sensih u kellu anke demm ħiereġ minn ħalqu.
Il-vittma ddaħħal l-Isptar Mater Dei fejn mill-ewwel irrżulta li kien fil-periklu imminenti li jitlef ħajtu. Fil-fatt il-Libjan kellu ġrieħi gravi permezz ta’ daqqiet ta’ oġġett iebes kif ukoll kellu feriti li kienu jidhru li saru permezz ta’ oġġett li jaqta’ u bil-ponta. Hu miet fl-Isptar Mater Dei tlett ijiem wara.
Investigazzjonijiet immedjati mill-Pulizija kienu indikaw żewġt irġiel Libjani oħra bħala l-aggressuri f’dan id-delitt. Huma kienu arrestati u eventwalment tressqu l-Qorti akkużati bil-qtil ta’ Libjan ieħor xi ġranet qabel.
L-akkużati f’dan il-każ huma Ramzi Abdulhafid Abukem u Hamza Kamel Bakoush li kienu akkużati b’sensiela ta’ reati marbuta mal-qtil ta’ Mahmoud Elmejdi fil-Ħamrun.
Fost l-oħrajn iż-żewġ Libjani kienu akkużati wkoll li ftiehmu biex iwettqu d-delitt, żammew ir-raġel kontra l-volontà tiegħu, ġarrew sikkina fil-pubbliku mingħajr permess tal-Pulizija, kienu fil-pussess ta’ arma waqt li wettqu delitt u ħsarat fi proprjetà.
Ramzi Abdulhafid Abukem waħdu kienu akkużat ukoll li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet tal-bail filwaqt li Hamza Kamel Bakoush kien akkużat li hu reċidiv.
Quddiem il-Qorti ż-żewġ akkużati baqgħu siekta u kienet il-Qorti stess li ddikjarat li l-akkużati qed isostnu li mhux ħatja kif tobbligaha l-Liġi.
L-Avukati Arthur Azzopardi u Kathleen Calleja Grima dehru għall-akkużati u ma talbux lill-Qorti għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.
Lulju 2018
Iseħħ id-delitt tal-imprenditur Malti Hugo Chetcuti hekk kif jingħata żewġ daqqiet ta’ sikkina jew tlieta mill-viċin minn raġel mis-Serbja. Dan id-delitt seħħ nhar is-6 ta’ Lulju waqt li Hugo Chetcuti, flimkien ma’ xi ħbieb, kien qed jattendi ikla fl-okkażjoni tal-ftuħ ta’ ristorant ġdid f’Paceville.
F’mument minnhom waqt li Hugo Chetcuti ħareġ barra biex ipejjep sigarett, avviċinah Serb – Bojan Cmelik – li aggredieh b’daqqiet ta’ sikkina. L-aggressur ħarab mill-post tad-delitt filwaqt li ħalla lill-imprenditur Malti mal-art f’għadira demm.
Hu ddaħħal l-Isptar Mater Dei tard il-Ġimgħa filgħaxija, preċiżament fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, u kien operat minnufih minħabba l-ġrieħi gravi ħafna li kellu.
Sadattant il-Pulizija ftit tal-ħin wara rnexxielha tarresta lir-raġel Serb li eventwalment tressaq il-Qorti akkużat bl-omiċidju tal-Malti.
Il-Pulizija, għalkemm diġà ressqet lir-raġel mis-Serbja l-Qorti u qed takkużah bid-delitt volontarju ta’ Hugo Chetcuti, għadha qed taħdem dwar dan id-delitt biex tassigura li warajh ma hemmx xi id moħbija. Dan kien delitt deskritt bħala qtil stil Serb-Mafjuż.
Sadattant Hugo Chetcuti tilef il-ġlieda għal ħajtu kaġun ta’ infezzjonijiet u kumplikazzjonijiet li nqalgħu wara t-tieni operazzjoni li saritlu fl-Isptar Mater Dei.
L-aħbar li ħasdet lil kulħadd xterdet immedjatament, b’bosta jibqgħu xxukkjati għall-fatt li sa ftit ħin qabel l-aħbarijiet dwaru kienu jgħidu li kien f’kundizzjoni stabbli u li kien qed jaqleb għall-aħjar.
Madankollu, wara li ġie operat minnufih fil-lejl meta kien aggredit wara li kien ġarrab daqqiet b’sikkina, eventwalment kellu jerġa’ jiġi operat xi jiem wara minħabba kumplikazzjonijiet li nqalgħu.
Saħħet Hugo Chetcuti kienet marret lura minħabba infezzjonijiet li żviluppaw waqt il-kura li kien qed jingħata.
Lulju 2018
Antonia Micallef ta’ 71 sena u Maria Carmela Fenech ta’ 74 sena huma r-raba’ u l-ħames delitti għal din is-sena. Huma nqatlu f’delitt doppju nhar it-Tnejn li għadda fid-dar tagħhom f’Ħal Għargħur. B’rabta ma’ dan id-delitt doppju, il-Pulizija ressqet il-Qorti lil Kevin Micallef, it-tifel ta’ Antonia Micallef, u akkużatu bil-qtil volontarju taż-żewġ anzjani.
Kollox jindika li dan id-delitt doppju mmatura wara li Kevin Micallef daħħalha f’rasu li z-zija tiegħu kienet qed tħallatlu l-kalmanti mal-kafè tiegħu waqt il-kolazzjoni.
Dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda kien wara li Kevin Micallef allegatament sema’ lil zitu tgħid lil ommu: “Tgħid induna?” u hu mar dritt għaliha u nfexx jagħtiha bis-sikkina f’għonqha u f’sidirha.
Ommu intervjeniet biex tifridhom, iżda spiċċat vittma hi wkoll għaliex qalgħet numru ta’ daqqiet hi wkoll u spiċċat mietet ftit tal-ħin wara fl-Isptar Mater Dei.
Kevin Micallef tressaq il-Qorti u għalkemm wieġeb li ma kienx ħati tad-delitti li għamel, baqa’ jinżamm arrestat.
