Lokali

FILMAT: Muscat jindika li mhux se jippubblika l-inkjesta b’mod sħiħ

Jgħid li għandu 'pariri' biex jippubblika r-rapport 'b'biċċiet maqtugħa 'l barra

Minkejja l-impressjoni li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jipprova jagħti, jiġifieri dik li jrid jippubblika l-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja b’mod sħiħ, kollox qed jindika li Muscat mhux se jkun qed jagħmel dan.

Muscat kien qed jiġi intervistat meta qal li dwar din l-inkjesta hemm numru ta’ kwistjonijiet li qed iwasslu biex qed jingħata pariri li l-inkjesta ma tkunx ippubblikata b’mod sħiħ u fl-intier tagħha.

“Il-kwistjoni hija l-kif tiġi ppubblikata u l-meta tiġi ppubblikata,” qal Joseph Muscat. “Hemm avukati oħra li jgħiduli best case scenario li nistgħu nimmaġinaw huwa li jiġi ppubblikat dan ir-rapport b’biċċiet maqtuha ‘l barra,” żied jgħid.

Din il-pożizzjoni tikkuntrasta kompletament mill-impressjoni li Muscat qed jipprova jagħti, u cioe li jixtieq li l-inkjesta tiġi ppubblikata b’mod sħiħ.

Waqt l-intervista, Muscat infexx f’eloġju għall-Avukat Ġenerali Peter Grech – l-istess Avukat Ġenerali li fil-jiem li għaddew baqa’ jċaħħad lill-Oppożizzjoni minn kopja sħiħa tal-inkjesta b’theddida għall-bilanċ politiku f’demokrazija.

Tant li Muscat stess ikkonferma li l-Avukat Ġenerali mhux talli se jibqa’ jirrifjuta li jippubblika l-inkjesta b’mod sħiħ, iżda talli -istess waqt għaddaa kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Prim Ministru.

“Qal inti bħala Prim Ministru, mhux bħala Prim Ministru imma bħala l-persuna li inti tlabt l-inkjesta u li hija inkjesta prattikament dwarek, ħa ntijielek. Imma jien bħala AĠ, ħlief il-konklużjonijiet li huma s-sugu, m’inix se nippubblika,” qal Muscat meta kkwota x’qallu l-Avukat Ġenerali.

Għalkemm fil-konklużjoni tal-inkjesta hemm ċar li l-kumpanija Egrant mhijiex tal-Prim Ministru Joseph Muscat jew ta’ martu, fil-jiem li għaddew il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għamel appell imqanqal biex l-Oppożizzjoni tingħata kopja sħiħa tar-rapport ħalli ma jkunx hemm żbilanċ bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.