Sport Waterpolo

Is-Serbja terġa’ tirbaħ il-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo

Is-Serbja rebħet il-Kampjonat Ewropew għar-raba’ edizzjoni konsekuttiva meta għelbet lill-organizzaturi Spanja 12-10 bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba fil-ħin regolamentari spiċċat 7-7. Partita mill-isbaħ li fiha Spanja kellhom vantaġġ inizjali, iżda s-Serbja tjiebet wara l-mistrieħ biex irnexxielha ssalva l-logħba.

Għal Spanja din kienet it-tieni darba li spiċċat it-tieni fil-Kampjonat Ewropew wara telfa ta’ 11-10 kontra l-Yugoslavia fil-finali tal-1991 f’Ateni. Din kienet it-22 midalja għat-tim Serb (li jinkludi meta l-pajjiż kien parti mill-Yugoslavia u Serbja u Montenegro) b’total ta’ tmienja deheb, disa’ fidda u ħamsa bronż.

Huma jinsabu edizzjoni bogħod milli jilħqu r-rekord tal-Ungerija li bejn l-1926 u l-1938 kienet rebħet ħames edizzjonijiet konsekuttivi tal-Kampjonat Ewropew. L-edizzjoni li jmiss issir fl-2020 f’Budapest.

Din ir-rebħa kienet tfisser aktar għal captain Serb Filip Filipovic. Hu sar l-ewwel plejer fl-istorja li rebaħ sitt edizzjonijiet tal-Kampjonat Ewropew. Hu rebaħ fl-2003, fl-2006, fl-2012, fl-2014, fl-2016 u fl-2018. Hu ntgħażel ukoll bħala l-aqwa plejer tat-tournament, filwaqt li l-gowlkiper veteran Spanjol Daniel Lopez Pinedo ntgħażel bħala l-aqwa gowlkiper tat-tournament.