Xi jkun jonqos lil dak is-sinjurun li diġà jipposiedi yacht u xi żewġ ajruplani? Skont Christian Kalin, iċ-Chairman ta’ Henley & Partners, dak li jonqsu hu passaport ta’ Malta.
Dan joħroġ minn artiklu li deher il-ġimgħa l-oħra fuq is-sit elettroniku tal-istazzjon prestiġjuż Amerikan Bloomberg, bit-titlu ‘Where the super-rich go to buy their second passport’.
F’dak l-artiklu, fost l-oħrajn, jingħad hekk: “Cheaper than a Gulfstream, nimbler than a superyacht, a second passport – or a third or fourth – has become another trophy for the ultra-wealthy. Even self-styled citizens of the world, it seems, need a Plan B. Plus, that gold Maltese coat of arms looks classy. One must keep up.”
Bloomberg kien qed jirreferi għall-istemma uffiċjali fuq il-passaport ta’ Malta, u jiddeskriviha bħala classy – waħda ta’ klassi, jiġifieri bi stil u sofistikata.
Fl-artiklu jingħad li filwaqt li ħafna pajjiżi – inklużi l-Istati Uniti tal-Amerika – jipprovdu għal residenza legali lil min japplika u jissodisfa ċerti kriterji, huma biss għaxar pajjiżi li jippermettu ċittadinanza mill-ewwel la darba jsir ‘investiment’ jew fi propjetà jew f’xi negozju legali.
Bloomberg jgħid li tmienja minn dawn l-għaxar pajjiżi huma konvenjentement deskritti mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) bħala ċentri finanzjarji offshore.
Meta Bloomberg jikkwota lil Christian Kalin ta’ Henley & Partners – li kienu huma li introduċew l-iskema tal-bejgħ tal-passporti ta’ Malta – jgħid li dan qalilhom li għas-sinjuruni, il-passaport Malti sar dik ix-xi ħaġa li jonqoshom, u żied dan: “It’s the latest status symbol. We’ve had clients who simply like to collect a few.”
Jiġifieri, skont Henley & Partners, dawn is-sinjurni qed jixtru l-passaport Malti għall-gost, sempliċiment biex iżiduh mal-kollezzjoni ta’ passaporti li diġà jippossiedu.
Sadattant, il-Prim Ministru Joseph Muscat, nhar it-Tlieta li għadda tkellem f’Los Angeles waqt it-2018 Uglobal Immigration Convention dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ta’ Malta u, għall-kuntrarju ta’ Kalin (li jsostni li l-passaport Malti sar kalamita għas-sinjuruni – super-rich, sejħilhom), skont stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, Muscat qal li l-iskema ta’ Malta qed tattira an ever-growing number of hard-working families.
Fl-istess diskors, il-Prim Ministru Muscat qal li l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti ta’ Malta is the most expensive worldwide. Iżda l-istess artiklu ta’ Bloomberg ikkwotat aktar ’il fuq, jagħti l-lista tal-aktar skemi ta’ ċittadinanza li jiswew flus, u Malta mhix fl-ewwel post. Qabilha hemm żewġ pajjiżi oħra.
F’Los Angeles, Joseph Muscat qal li Malta irexxielha tintroduċi u tniedi livelli tad-deheb (gold standards) f’din l-industrija, u żied li Malta ma tridx lil dawk li huma l-aktar sinjuri iżda trid ‘l-aħjar’ applikanti – dawk li jridu l-eċċellenza u xejn inqas.
Il-Prim Ministru iżda xejn ma semma li ftit tax-xhur ilu, f’Marzu li għadda, id-Direttur tal-Politika tat-Taxxa u l-Amministrazzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), kiteb lill-Ministru Edward Scicluna biex iwissih dwar il-mod li bih qed jitmexxew l-iskemi tar-residenza u ċ-ċittadinanza minn pajjiżna.
L-OECD għaddejja b’kampanja biex teqred l-abbużi minn skemi bħal dawn u, fi tmiem l-eżerċizzju li ilu għaddej ix-xhur se tippubblika lista ta’ skemi li huma kkunsidrati bħala riskjużi minħabba li jistgħu jaħarbu dik li hi magħrufa bħala Common Reporting Standard (CRS).
Pascal Saint Amains, l-uffiċjal tal-OECD li kiteb l-ittra lill-Ministru Scicluna, kien saħansitra għamillu twissija serja: “Although countries will be consulted in this process, and we don’t want to anticipate the outcome of this work, we are concenred that the Maltese Residency by Investment Scheme is likely to be included in such a list.”
Din l-ittra tal-OECD qatt ma kienet ippubblikata mill-Gvern Malti, iżda kopja tagħha kienet żvelata minn In-Nazzjon.