Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit (RIU) kellhom jissejħu fil-Knisja ta’ Raħal Ġdid wara kommossjoni li nqalgħet il-Ħadd filgħaxija.
Minn informazzjoni li għandu NET News jirriżulta li hekk kif f’Raħal Ġdid kienet qed tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Kristu Re, jidher li raġel ta’ nazzjonalità barranija daħal fil-Knisja, tela’ fuq l-artal tal-Knisja u ħoloq kommossjoni.
NET News għamel kuntatt mat-taqsima tal-media tal-Pulizija, iżda ma kienx hemm informazzjoni uffiċjali u jidher li dwar dan il-każ ma sarx rapport.
Madanakollu, persuni li tkellmu ma’ NET News u li kienu Raħal Ġdid fil-ħin tal-inċident, ikkonfermaw din l-istorja u komplew jgħidu li bħala konsegwenza kellhom jissejħu tal-anqas żewġ karozzi tal-RIU fuq il-post, kif jixhdu wkoll ritratti li waslu għandna.
Kienu dawk preżenti l-ewwel li ntervjenew biex jikkontrollaw lir-raġel. Dan hekk kif jidher li għall-ewwel inxteħet fl-art fil-knisja u beda jagħmel mossi strambi waqt li f’ħin minnhom deher tiela’ lejn l-artal qabel poġġa fuq bank.
Malli avviċinawh xi nies, jidher li r-raġel qam jiġri minn fuq il-bank, ta s-salt lejn l-artal u twaqqaf qabel iddaħħal lejn is-sagristija.
Mhux magħruf jekk ir-raġel ġiex interrogat, għalkemm dan l-istazzjon hu nfurmat li r-raġel ma kellux intenzjonijiet ħżiena iżda rreaġixxa b’dan il-mod hekk kif sfortunatament għandu problemi ta’ saħħa mentali.
//= $special ?>