Formula 1 Sport

Lewis Hamilton jiddomina l-Grand Prix tal-Ungerija

Lewis Hamilton jaqsam il-linja finali (Ritratt: EPA)

Lewis Hamilton temm l-ewwel fażi tal-kampjonat bl-aqwa mod possibbli meta ddomina l-Grand Prix tal-Ungerija biex kompla jkabbar il-vantaġġ tiegħu fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa, bis-67 rebħa fil-karriera tiegħu. Il-kampjonat jieqaf għal erba’ ġimgħat, bit-tiġrija li jmiss tkun fiċ-ċirkwit ta’ Spa-Francorchamps fis-26 ta’ Awwissu.

Mercedes dehru li se jkollhom ġimgħa diffiċli hekk kif fis-sessjonijiet ta’ prattika kienu jinsabu wara Ferrari u Red Bull. Iżda wara li l-maltemp iddomina s-sessjoni ta’ provi uffiċjali tas-Sibt, Hamilton irnexxielu jieħu vantaġġ u għamel l-aħjar ħin biex beda t-tiġrija fuq quddiem, f’ċirkwit li mhux daqshekk faċli biex taqbeż.

B’sitt dawriet għat-tmiem deher li Mercedes setgħu jiksbu doppjetta, iżda Vettel uża d-DRS biex qabeż lil Valtteri Bottas fl-ewwel kantuniera. Meta l-Finlandiż prova jissielet fil-kantuniera ta’ wara, spiċċa biex laqat lil Vettel. Il-Ġermaniż kompla, b’Bottas jispiċċa r-raba’ minħabba ħsara fil-front wing, hekk kif inqabeż minn Raikkonen.

Tliet dawriet wara, Bottas laqat ukoll lil Daniel Ricciardo tar-Red Bull, hekk kif l-Awstralja prova jagħmel mossa fl-ewwel kantuniera, bis-sewwieq tal-Mercedes ikun ordnat mit-tim tiegħu li jċedu postu lil Ricciardo, minħabba riskju ta’ penaltà. Bottas xorta ngħata l-penalità iżda xorta żamm il-ħames post. Għal Ricciardo għandu jitqies riżultat pożittiv wara li beda mit-12-il post.

Ricciardo saħansitra niżel fis-16-il post fl-ewwel kantuniera, iżda sas-27 dawra kien tela’ fil-ħames post. Sfortunatament, sieħbu Max Verstappen kellu jirtira wara biss sitt dawriet minħabba problema fil-power unit.

Ġurnata pożittiva għal McLaren. Kemm Fernando Alonso u Stoffel Vandoorne damu fuq it-tyres soft qabel ma qelbu fuq it-tyres medium. Sfortunatament għalihom, Vandoorne kellu jirtira minħabba problema bil-gearbox, bit-tim jidher li sab l-aħjar forma li kellu kmieni fil-bidu tal-istaġun.