Il-Gvern Laburista’ qed jipprova jbellagħha lill-poplu li t-tolleranza għal aġir dubjuż, anki minn dawk l-iktar qrib tal-Prim Ministru, m’għandu ebda effett fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta. F’artiklu fil-ħarġa tal-lum tal-gazzetta The Sunday Times of Malta, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia irrefera għar-rapport maħruġ mill-Awtorita’ Bankarja Ewropea (EBA) li sab diversi “nuqqasijiet sistematiċi” mill-FIAU li għalaq għajnejh għal dak li kien qed jiġri fil-Bank Pilatus.
Adrian Delia qal li dan ir-rapport waħdu hu biżżejjed biex il-Ministru responsabbli – il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna – jirriżenja mill-kariga. Mhux minħabba xi nuqqas fil-kondotta tiegħu, iżda għall-fatt li ttollerat prattiċi dubjużi u perikolużi minn dawk ta’ madwaru.
Hu kompla li minflok tittieħed azzjoni dwar in-nuqqasijiet mikxufa, l-FIAU jwieġeb li għandu “riżervi serji dwar il-proċessi” tal-Awtorita’ Bankarja Ewropea!
Adrian Delia fakkar li l-industrija bankarja u tas-servizzi finanzjarji inbniet mix-xogħol ta’ eluf ta’ professjonisti. Bl-aġir tiegħu li ma jagħtix każ ir-rapport tal-EBA, il-Ministru qed jipperikola l-kisbiet u l-ħobża ta’ kuljum ta’ eluf ta’ persuni.
Il-Kap tal-PN irrefera wkoll għar-rapport tal-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja. Hu qal li filwaqt li ttieħdu d-deċiżjonijiet fil-PN intiżi biex joħolqu distinzjoni ċara bejn allegazzjonijiet u fatti, il-Gvern Laburista u l-magna tal-propaganda tiegħu qed jipprova ibiegħu dan ir-rapport bħala Barka Papali fuq it-track record tal-Gvern kollu. Hu fakkar li wara d-dmugħ tal-Prim Ministru, kien hemm id-daħka skomda tal-Ministru Konrad Mizzi.
Adrian Delia temm li din il-ġimgħa kienet waħda diffiċli għall-Partit Nazzjonalista, iżda tenna li hu konvint li wara dan iż-żmien, jerġa jasal iż-żmien fejn il-PN ikun mill-ġdid l-għodda li ssarraf l-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti u Għawdxi f’realtà.
//= $special ?>