Saċerdoti parti mill-Kleru f’Għawdex tkellmu ma’ il-mument u wrew id-diżappunt tagħhom kif f’ċerti marċijiet tal-festi f’Għawdex matul dan l-istaġun tal-festi, kien hemm aċċessibbiltà kbira għall-kokaina u għal droga oħra.
Dawn is-saċerdoti qalulna li ma jistgħux jifhmu kif saru ċeru marċijiet tal-festi u anki parties marbuta ma’ ċerti festi u f’dawn l-attivitajiet tal-massa kien hemm preżenza qawwija ta’ droga u la ttieħdu passi mill-Pulizija u anqas mill-awtoritajiet tal-każini konċernati biex din id-droga titneħħa mill-idejn.
Żiedu jgħidu wkoll l-istess saċerdoti li f’dan l-istat ta’ fatt jaf kulħadd, iżda għal xi raġuni ma jiġri assolutament xejn.
Jirriżulta li l-aktar droga popolari waqt il-festi hi d-droga kokaina… dak it-trab abjad li jinġibed fil-preżenza ta’ bosta bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jkunu qed isiru. “Dan kollu fil-miftuħ u fl-isfond ta’ ħafna birra, alkoħol u nbejjed li jkunu ikkunsmati bla ebda prudenza jew rażan fl-istess marċijiet tal-festa jew waqt il-parties.”
Min tkellem ma’ il-mument saħaq li hu ma għandu l-ebda spjegazzjoni kif il-Pulizija f’Għawdex hi għalkollox ineżistenti fil-ġlieda ta’ kontra d-droga f’Għawdex stess.
“Hawn negozju kbir ta’ droga. Ta’ kull xorta ta’ droga. Faċli ssibha. Kulħadd jitkellem dwarha. Iżda Alla jista’ kollox, il-Pulizija ta’ Għawdex assenti totalment mill-ġlieda kontra d-droga. Dan apposta? B’kumbinazzjoni? Jew għaliex hawn żgħir u ħadd ma jrid jiċċappas ma’ ħadd?” qalilna l-istess saċerdot Għawdxi.
Hu kompla li min-naħa tiegħu l-Isqof ta’ Għawdex kemm-il darba tkellem dwar il-pjaga tad-droga u bagħat messaġġi diretti jew indiretti, iżda donnu li l-Pulizija f’Għawdex ma tiħux dawn il-messaġġi bir-riżultat li f’Għawdex hemm għadd ġmielu ta’ żgħażagħ li nħakmu mill-vizzju tad-droga.
Dan il-membru tal-Kleru f’Għawdex kompla li hemm postijiet f’Għawdex, fosthom anki ħwienet, li isimhom hu sinonimu mal-abbuż tad-droga u anki għaliex hu ffrekwentat minn ċerti persuni. Iżda l-Pulizija ta’ Għawdex jew ma jafux bihom jew inkella jaqblilhom li ma jkunux jafu bihom.
Hu innota wkoll li f’numru ta’ okkażjonijiet qed ikunu l-Pulizija Maltin ta’ Kontra d-Droga li jmorru f’Għawdex biex jagħmlu interventi kontra d-droga.
Hu temm billi qal li ma jagħmilx sens li jkunu organizzati marċijiet u parties kbar biex imbagħad għadd ta’ żgħażagħ jispiċċaw daħna quddiem kulħadd bil-Pulizija ma tiħux azzjoni immedjata.
//= $special ?>