L-uffiċjali f’Amsterdam ħabbru li se jimponu aktar multi ħorox fuq dawk li jinqabdu jaqalgħu l-inkwiet fil-belt. Dan wara ħafna ilmenti mir-residenti għall-istorbju u inkwiet li qed ikun hemm minn nies fis-sakra. Arre Zuurmond, l-ombudsman ta’ Amsterdam, qal li ċ-ċentru tal-belt kien inbidel f’ġungla, fejn kien qed isir kull tip ta’ reat b’ebda konsegwenza. Huwa qal li s-sitwazzjoni saret tali li l-Pulizija ma setgħux ilaħħqu mas-sitwazzjoni. Il-belt diġà kienet bdiet tieħu passi biex trażżan l-inkwiet li qed ikun hemm f’Amsterdam, imma bi ftit suċċess. Zuurmond qal ukoll li hemm mal-2,000 taxi illegali joperaw f’Amsterdam. Kull sena, mat-18-il miljun persuna jżuru Amsterdam – aktar mill-popolazzjoni tal-pajjiż kollu – u llum, minħabba l-ivjaġġar bl-ajru rħis, il-belt saret popolari għall-parties taż-żgħażagħ, l-aktar mir-Renju Unit imma anki minn pajjiżi oħra. Zuurmond qal li aktarx se jintuża l-pjan li l-forzi tas-sigurtà jibdew jintervjenu bis-saħħa zona zona sakemm titranġa s-sitwazzjoni.
//= $special ?>AKTAR STEJJER
MORE ARTICLES


