Lokali

10 snin mill-qtil ta’ Doujon Zammit; qalbu għadha tħabbat

Il-qalb tal-Malti ingħatat b'donazzjoni lill-ġurnalista Grieg-Awstraljan Kosta Gribilas

Ħafna jiftakru l-istorja traġika tal-Malti-Awstraljan illi kien inqatel brutalment f’Mykonos fis-Sajf tal-2008.

Kienet ġrajja li ħalliet pajjiż sħiħ issummat minħabba l-mod kif ġrat – erba’ bouncers illi litteralment biċċru liż-żagħżugħ Doujon Zammit, illi dak iż-żmien kellu biss 20 sena. Hu kien fuq il-gżejjer Griegi għal btala, fejn mar ftit wara li ħalla Malta.

Din il-ġimgħa, il-media Awstraljana qed tfakkar dan l-anniversarju li, għalkemm traġiku, fih sens kbir ta’ sodifazzjon għall-familja Zammit illi kienu taw l-awtorizzazjoni biex il-qalb ta’ binhom tingħata lil raġel ieħor li verament kellu bżonn trapjant. Fil-fatt, il-qalb ta’ Doujon għadha qed tgħix f’Kosta Gribilas li hu ġurnalist ta’ nisel Grieg.

“Żgur ma kontx ngħix għaxar snin”, qal Kosta lil 9news tal-Awstralja.

Rosemary u Oliver Zammit, il-ġenituri ta’ Doujon jinsistu li, meta jħarsu lura, huma għamlu l-aħjar deċizjoni. “Bid-donazzjoni ta’ qalbu onorajna x-xewqa tat-tifel”, stqarret ommu ma’ 9news. Dan għaliex sitt xhur qabel l-aggressjoni f’Mykonos, Doujon u l-ġenituri tiegħu kienu ddiskutew it-tema tad-donazzjoni tal-organi.

Din il-qalb ħalliet ħafna frott; fosthom l-erbat itfal ta’ Kosta u l-mara tiegħu Poppy.

Tliet bouncers kienu nstabu ħatja ta’ dan il-qtil.

Marios Antonopoulos, li kellu 25 sena, kien intbgħat 22 sena ħabs. Żewġ bouncers oħra kienu intbgħatu 7 u 8 snin ħabs rispettivament.