Il-Pulizija qed iżżomm raġel dwar każ ta’ allegat ħtif u abbuż sesswali ta’ tifel li kien qed jilgħab fuq il-bajja tal-Għadira. Il-każ seħħ il-Ħadd, bir-rapport lill-Pulizija jsir ftit wara t-20:00.
Kienet l-omm li qajmet l-allarm b’messaġġ fuq il-midja soċjali, fejn wissiet lil ġenituri oħra biex iżommu għajnejhom miftuħa u ma jitilqux lit-tfal tagħhom waħidhom wara dak li għaddiet minnu.
Qalet li t-tifel, li għandu ħames snin, telaq minn ħdejn il-ġenituri tiegħu għal ftit ħin biex jaħsel il-ġugarelli tiegħu fil-baħar. Jirriżulta li kien hawn li raġel barrani ħatfu minn wara u poġġielu jdejh fuq fommu biex ma jkunx jista’ jwerżaq.
L-omm tiddikjara li t-tifel gidem idejn l-akkużat u li kien imnalla li għamel dan hekk kif l-allegat aggressur kien se jipprova jdaħħlu f’tinda li kien hemm fuq il-bajja ftit bogħod minn fejn seħħ il-każ. Jidher li kien hawn li r-raġel telaq lit-tifel u dan ħarab lejn il-ġenituri.
Iddikjarat ukoll li dan kollu seħħ f’temp ta’ ftit sekondi, u li l-iskop tar-raġel kien li jabbuża sesswalment minnu. Dan għaliex tgħid li meta kien qed ikaxkar lit-tifel tagħha lejn il-kamp, waqt li b’id waħda kien qed jgħattilu ħalqu, bl-oħra kien qed imissu u jbagħbsu b’mod indiċenti.
Malli tqajjem l-allarm għal dak li kien qed iseħħ, fil-post intalbet l-assistenza tal-Pulizija, b’uffiċjali tal-Pulizija mill-Qawra u tar-Rapid Intervention Unit jirrispondu mmedjatament u jżommu lir-raġel.
//= $special ?>