Internazzjonali

Di Maio jeskludi referendum dwar l-ewro

Luigi Di Maio

Luigi Di Maio, id-Deputat Prim Ministru Taljan kif ukoll mexxej tal-Moviment 5 Stelle (M5S), insista li ma kien se jsir ebda referendum dwar jekk l-Italja għandhiex tibqa’ tuża l-ewro.
Huwa qal dan wara li l-fundatur tal-M5S, Beppe Grillo, qal li l-Italja jrid ikollha pjan lest għall-eventwalità li tkun trid titlaq mill-ewro jekk tinħass il-ħtieġa. Huwa qal ukoll li t-Taljani jmisshom jivvutaw f’referendum dwar jekk għandhomx jabbandunaw iz-zona ewro. Kummenti li heżżew is-sweiq finanzjarji.
Grillo m’għandu ebda kariga fil-Gvern Taljan magħmul mill-M5S u l-Lega, imma l-kummenti tiegħu qanqlu suspetti dwar jekk il-Gvern il-ġdid Taljan iridx jibqa’ fiz-zona ewro, il-grupp ta’ pajjiżi li jużaw l-ewro.
Di Maio qal dan f’intervista li kienet ippubblikata fil-Corriere della Sera.
Huwa qal li fil-ftehim li kien sar bejn il-M5S u l-Lega ma kien sar ebda riferiment għal referendum dar l-ewro.
Din tar-referendum dwar l-ewro hi tema sensittiva ħafna bħalissa, tant li anki l-Prim Ministru Giuseppe Conte u l-Ministru tal-Ekonomija Giovanni Tria, ukoll kienu warrbu kull spekulazzjoni li kien se jsir xi referendum tul il-mandat tagħhom.