Lokali

FILMAT: Nirien jaħkmu spiżerija u klinika f’Tas-Sliema

Xi persuni ttieħdu l-isptar minħabba d-dħaħen li belgħu

Nirien kbar ħakmu spiżerija u klinika tal-għajnejn f’Tas-Sliema, u li wasslu għall-ħsara estensiva tal-binja. Skont persuni li għexu dan l-inċident, hekk kif ħadu n-nirien fl-ispiżerija kien hemm il-ħaddiema u persuni oħra – iżda fortuantament irnexxielhom joħorġu ‘l barra fil-ħin, u ħadd ma weġġa’.

Madanakollu, kellhom jissejjħu ambulanzi fuq il-post hekk kif xi persuni belgħu d-dħaħen u oħrajn qabadhom paniku, fejn ittieħdu lejn l-isptar Mater Dei.

In-nirien jidher li feġġew fl-ispiżerija u l-klinika, li jinsabu fi Triq Manwel Dimech kantuniera ma’ Triq Rudolfu, għall-ħabta tal-10.55 ta’ filgħodu fejn kibru f’ħuġġieġa sħiħa u dħaħen ħonqu l-binja. S’issa għadu mhux ikkonfermat x’kien li kkawża n-nirien, iżda sorsi infurmaw lil NET News li aktarx kienet ħsara fis-sistema tal-elettriku tal-binja li bdew in-nar.

Ftit mumenti wara li n-nirien u dħaħen ħakmu l-binja, fuq il-post waslu uffiċjali tal-Pulizija – dan hekk kif il-binja li ħadet in-nar tinsab faċċata tal-għassa ta’ Tas-Sliema. Aktar tard waslu wkoll fuq il-post uffiċjali tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit, u anke mill-Protezzjoni Ċivili sabiex jikkontrollaw in-nirien. Minbarra l-ħsara konsiderevoli fl-ispiżerija, anke s-sulari ta’ fuqha ġarrbu xi ħsarat. Filfatt, minnbarra jidher evidenti li kemm il-faċċata tal-ħwienet u kif ukoll l-gallariji ta’ fuqhom inħarqu.

Saret ħidma wkoll biex xi klieb li kienu maqbuda fil-bini tal-madwar jiġu salvati miż-żona.

Nies li tkellmu ma’ NET News qalu li t-toroq fil-qalba ta’ Tas-Sliema kienu magħluqa għat-traffiku bħala prekawzjoni. B’riżultat ta’ dan, inħolqot konġestjoni kbira ta’ traffiku fiż-żona.